Ekonomija Kummerċ Lokali

Standard and Poor’s tagħti klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ BBB+ lill-Bank of Valletta

L-Aġenzija tal-Credit Rating Standard & Poor’s għadha kemm assenjat klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ BBB+ lill-Bank of Valletta bi prospettiva stabbli. In-nota ta’ riċerka tenfasizza l-pożizzjoni dominanti tas-suq tal-BOV, in-netwerk sod tal-fergħat tal-Bank u l-bażi ta’ finanzjament stabbli tad-depożiti tal-klijenti.

Stqarrija tal-BOV tgħid li S&P tinnota wkoll il-progress li għamel il-Bank biex inaqqas l-istokk tiegħu ta’ NPLs (non performing assets) permezz ta’ kombinazzjoni ta’ write-offs, self ġdid ta’ kwalità tajba u titjib fir-rati tal-irkupru. Fil-fatt, il-proporzjon tal-NPA tal-Bank naqas mill-ogħla livell ta’ 9.5 % fl-2014 għal madwar 6.2 % fit-30 ta’ Settembru 2017, livell li jitqabbel b’mod favorevoli mal-medja tas-settur bankarju domestiku ta’ 8.2 % għall-2016.

Meta kkummentat dwar iż-żieda reċenti ta’ €150 miljun fil-kapital azzjonarju, S&P ikkonfermat li din se tippermetti lill-Bank jikkonforma ma’ rekwiżiti kapitali regolatorji ogħla u tpatti għall-impatt tal-IFRS 9 li dalwaqt se tidħol fis-seħħ fl-2018, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti lill-Bank jilħaq miri kritiċi fit-twettiq tal-istrateġija tiegħu, b’mod partikolari l-investimenti tiegħu fid-diġitalizzazzjoni u fi proġetti oħra.

Meta kkummenta dwar il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-S&P, Mario Mallia, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp BOV, innota li l-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ BBB+ assenjata minn S&P hija livell wieħed ogħla minn dik ipprovduta minn Fitch qabel il-ħruġ ta’ ishma bi dritt. Huwa żied ukoll li l-prospettiva tal-aġenzija kienet waħda pożittiva appoġġjata bi profitabbiltà reżiljenti, telf ta’ kreditu limitat u pożizzjoni ta’ solvenza b’saħħitha. Il-Kap Eżekuttiv ikkonkluda billi qal li “L-2017 kienet sena estremament pożittiva u produttiva għall-Grupp BOV. Ix-xogħol iebes li għamlu l-impjegati kollha tal-BOV ġie ppremjat b’żieda fil-lealtà u fid-depożiti mill-klijenti tagħna, ir-rispons qawwi mill-azzjonisti għall-ħruġ ta’ ishma bi dritt li kien ta’ suċċess kbir, u titjib fil-klassifikazzjoni tal-kreditu minn aġenzija tal-klassifikazzjoni ewlenija.”