Internazzjonali

Abbas ma jaċċettax pjan Amerikan għall-paċi

 

Il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, qal li mhux se jaċċetta kwalunkwe pjan imressaq mill-Istati Uniti għall-paċi bejn il-Palestinjani u Iżrael. Dan wara li Washington irrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana.

Abbas ikkonferma dan wara li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti rrifjutat id-dikjarazzjoni kontroversjali ta’ Washington dwar Ġerusalemm – bil-maġġoranza tal-pajjiżi jappoġġjaw ir-riżoluzzjoni li taffirma l-istatus quo ta’ dik il-belt.

L-Istati Uniti, fl-aħħar xhur, kienet qed taħdem fuq abbozz ta’ pjan ġdid għall-paċi, għalkemm ma żvelatx id-dettalji.

Madankollu, Mahmoud Abbas mill-ġdid enfasizza li mgħadux jaċċetta lill-Istati Uniti bħala medjatur fil-proċess tal-paċi ma’ Iżrael. Hu, fl-istess ħin, ċaħad abbozz ġdid għall-paċi mill-Amerikani  — li qed jitfassal minn Jared Kushner, bħala r-rappreżentant tal-President Amerikan għal-Lvant Nofsani –  anki f’dan l-istadju bikri tal-proċess.

Waqt li hemm stennija li l-abbozz ikun pubblikat kmieni s-sena d-dieħla, Mahmoud Abbas, li kien qed jitkellem f’Pariġi, qal li l-Istati Uniti kienet ‘diżonesta bħala medjatur għall-paċi’ u li l-Palestinjani mhumiex se jaċċettaw aktar pjani min-naħa tal-Amerikani.