Lokali

Ana Gomes tara dubji serji dwar il-bejgħ tal-isptarijiet lil Steward Health Care

Il-Membru Parlamentari Ewropea Ana Gomes, mill-grupp tas-Soċjalisti, ikkritikat il-bejgħ tal-konċessjonijiet tal-isptarijiet lokali mill-Vitals Global Healthcare lil Steward Health Care.

F’post fuq Twitter, Gomes innutat li dan hu eżempju ċar ta’ dak li qalet waqt id-diskussjonijiet għad-Direttivi tal-Unjoni Ewropeja kontra l-ħasil tal-flus.

Direttivi li fost l-oħrajn jobbligaw lill-kumpaniji li jikxfu min huma s-sidien tagħhom. Dan mistenni jidħol fis-seħħ fil-bidu ta’ Jannar li ġej, ftit jiem biss qabel seħħ it-trasferiment tal-isptarijiet Maltin.

Waqt li wissiet lill-progressivi biex joqgħodu attenti, staqsiet kif il-Prim Ministru Joseph Muscat jippretendi li hu soċjalist.

Sadattant il-kumpanija li xtrat tlieta mill-isptarijiet ewlenin f’pajjiżna għadha ma għamlet l-ebda stqarrija uffiċjali fuq il-website tagħha.

Dan hekk kif issa għaddew aktar minn 24 siegħa minn mindu ġiet uffiċjalizzata l-aħbar illi Steward Health Care ħadu f’idejhom it-tmexxija ta’ dawn l-isptarijiet mingħand il-Vitals Global Healthcare (VGH).

Intant sal-bieraħ filgħodu l-kumpanija VGH kienet qed tgħid li “għadhom għaddejin in-negozjati”. Dan meta skont il-Ministru, il-ftehim ma’ Steward Health Care ġie iffirmat il-lejl ta’ qabel, fid-9:30pm.

Sar magħruf ukoll li tliet snin ilu Steward Health Care kienet fiċ-ċentru ta’ kontroversja kbira meta t-tmexxija iddeċidiet li taqbad u tagħlaq l-uniku sptar li kien hemm f’Quincy.

Il-belt ta’ Quincy tinsab fin-nofsinhar ta’ Boston, u allura fil-qalba tal-Istat ta’ Massachusetts. Il-mossa li jingħalaq il-Quincy Medical Centre fissret li 90,000 ruħ li jgħixu f’dan is-subborg ta’ Boston spiċċaw bla sptar.

Din hi biss waħda mid-diversi kontroversji li iċċirkondaw il-kumpanija Steward fl-aħħar 7 snin – kumpanija li l-moħħ warajha hi d-ditta finanzjarja Cerberus Capital Management.

Sadattant il-General Workers’ Union ħabbret li l-ftehim milħuq u l-garanziji miksuba dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kienu u għadhom fis-seħħ. Il-GWU iltaqgħet ukoll mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fejn iddiskutiet dawn l-aħħar żviluppi.