Il-politiku separatista Carles Puigdemont, li ġimgħat ilu tkeċċa minn Mexxej tal-Katalonja, sejjaħ għal taħditiet ġodda mal-Gvern Spanjol wara li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Ħamis fir-reġjun partikulari.
Puigdemont irid li t-taħditiet isiru fi Brussell, fejn hu qiegħed jgħix fi status ta’ eżilju li impona fuqu nnifsu. Intant, l-eksmexxej Katalan hu dispost ukoll li li t-taħditiet mar-rappreżentanti ta’ Madrid isiru f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Qabel l-appell, hu kien iddikjara li l-Istat Spanjol spiċċa jitlef l-elezzjoni tal-Katalonja, fejn il-partiti separatisti għad għandhom il-maġġoranza tal-appoġġ, avolja din naqset b’xi ftit.
Intant, il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy ċaħad li jistgħu jsiru taħditiet ma’ Puigdemont barra Spanja. Rajoy qal li se jinnegozja ma’ kulmin jilħaq fit-tmexxija tal-Gvern Katalan ġdid iżda insista li l-kap inkwistjoni jkun irid jieħu postu fil-Katalonja.
Meta tkellem fil-Belġju, Carles Puigdemont qal li ‘il-Katalonja trid tkun Stat indipendenti, b’din tkun anki x-xewqa tal-poplu Katalan’. Hu tenna l-ħsieb ‘li l-pjan tal-Prim Ministru Rajoy ma kienx qed jaħdem u li jridu jinstabu mezzi ġodda li jindirizzaw il-kriżi’.
Mhux ċar min se jingħata d-dritt biex jifforma Gvern fil-Katalonja.
Mariano Rajoy kien qed jittama li l-elezzjoni tal-Ħamis setgħet tirristawra l-istabbilità iżda, illum, jidher ovvju li t-taqlib politiku se jkompli fi Spanja. Filwaqt li l-Partit Popolari (PP) ta’ Rajoy irreġistra l-agħar riżultat fl-istorja fil-vot tal-Katalonja, il-Partit Ciudadanos ( taċ-ċittadin), li jrid li l-Katalonja tibqa’ parti semi-awtonoma ta’ Spanja, ħareġ bħala l-akbar partit fir-reġjun.
Il-Gvern Spanjol kien impona amministrazzjoni diretta fuq il-Katalonja, filwaqt li sejjaħ elezzjoni ġdida, wara li ddikjara r-referendum ta’ Ottubru għall-indipendenza tar-reġjun bħala eżerċizzju illegali. Sadanittant, Puigdemont, issa, qed isejjaħ biex Rajoy jirripatrija lill-pulizija kollha li hu kien bagħat lejn il-Katalonja qabel ir-referendum.
L-aħħar indikazzjonijiet kienu li l-Partiti Katalani favur l-indipendenza – ‘Flimkien għall-Katalonja (JxCat); il-Partit Repubblikan tax-Xellug tal-Katalonja u l-Partit għall-Għaqda Popolari — kellhom jirbħu 70 siġġu f’total,u li jfisser maġġoranza fil-Parlament ġdid reġjonali.
Il-Partit Ciudadanos kellu ftit aktar minn 25 fil-mija tal-vot, fejn rebaħ 37 siġġu fil-Kamra ta’ 135 deputat. Il-Kap tal-Ciudadanos, Ines Arrimidas, qalet, intant, li l-partit tagħha ‘rebaħ’ u li hi u l-kollegi se jippruvaw jiffurmaw koalizzjoni ‘anki jekk dan se jkun diffiċli’.
Il-Partit Popolari (PP), sadanittant, rebaħ biss tliet siġġijiet fil-Katalonja, fejn spiċċa jitlef ħdax mill-assemblea preċedenti.
Fl-elezzjoni tal-Ħamis ħarġu jivvutaw aktar minn 80 fil-mija tal-votanti li hu rekord għal elezzjoni fir-reġjun tal-Katalonja.
Sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-pożizzjoni tagħha rigward il-Katalonja baqgħet l-istess, minkejja r-riżultat elettorali. Il-Kummissjoni, bħala l-eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea, kienet qalet, qabel, li l-iżviluppi fil-Katalonja huma kwistjoni interna għal Spanja.
//= $special ?>

