Futbol Sport

FUTBOL SPANJOL – Is-Sibt il-partita bejn ir-rivali Real Madrid u Barcelona

Real u Barcelona se jiltaqgħu kontra xulxin fil-Bernabeu

Is-Sibt fis-1pm ir-rivali Real Madrid u Barcelona jiltaqgħu kontra xulxin f’partita mill-kampjonat Spanjol. Bħalissa Real Madrid jinsabu 11-il punt taħt il-Katalani imma b’logħba inqas.

Dan minħabba l-fatt li ġimgħa ilu kienu mpenjati fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs u għat-tieni sena nfila ġew inkurunati champions tad-dinja meta fil-finali għelbu lil Gremio 1-0.

L-awtur tal-uniku gowl kien is-solitu Cristiano Ronaldo u dan jista’ jitlef il-konfront minħabba li qed jissielet kontra l-ħin biex jirkupra minn injury fil-pexxul. Jekk kemm-il darba Ronaldo jitlef il-logħba jidher li se jkunu Gareth Bale u Benzema li jibdew fuq quddiem.

Din kienet it-tielet darba li Real rebħu din it-tazza u saru l-ewwel tim fl-istorja li rebaħ dan l-unur darbtejn wara xulxin.

L-unur li rebħu Real nhar is-Sibt li għadda kien il-ħames unur li rebħu matul l-2017 u din fil-fatt kienet l-aqwa sena fl-istorja tal-klabb. Din kienet l-ewwel darba li Real rebħu ħames tazza f’sena u bla dubju dan jimlihom bil-kuraġġ qabel il-logħba kontra r-rivali tagħhom.

Barcelona se jkunu wkoll qed jippruvaw ipattu għat-telfa li sofrew kontra Real f’Awwissu li għadda meta dakinhar il-Merengues rebħu b’aggregate ta’ 5-1 fis-Super Cup Spanjola kontra l-istess Real Madrid.

Real Madrid minn naħa tagħhom se jkunu qed jippruvaw jirbħu dan il-konfront biex jibdew inaqqsu d-distakk minn ma’ Barcelona bit-tama li f’Mejju li ġej ikunu huma li jerġgħu jirbħu dan il-kampjonat.

Madankollu ħarsa lejn l-istatistika turi li l-ebda tim fl-istorja tall-La Liga ma rebaħ il-kampjonat meta kien 10 punti taħt il-lider.

Minkejja li Barcelona mhux qed juru l-istess logħob eċċellenti li kienu juru taħt Pep Guardiola, taħt it-tmexxija tal-kowċ Valverde qed ikunu sodi fid-difiża u din hi raġuni prinċipali għaliex qegħdin fil-quċċata tal-klassifika.

Bla dubju l-akbar theddida għal Real se jkun l-attakkant Lionel Messi li b’14-il gowl jinsab fl-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers.

Id-dipartiment tal-attakk ta’ Real mhux qed ikun konsistenti daqs l-istaġun li għadda u Ronaldo u Benzema, bejniethom skurjaw biss sitt gowls.