Lokali

Id-deal misterjuż tal-Vitals ikompli jqajjem id-dubju u l-mistoqsijiet

L-aħbar li l-Vitals Health Care mhux se jibqa’ jopera l-isptarijiet Karin Grech, Saint Luke’s, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, qed tqajjem aktar dubji u mistoqsijiet.

Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista li appella biex il-Gvern jieqaf jaħbi u jwieġeb għall-mistoqsijiet li qed isiru. Trasferiment tal-isptarijiet li qed isir wara biss sentejn mindu Vitals rebaħ konċessjoni dubjuża mingħand il-Gvern Malti u wara kuntratt iffirmat għal 30 sena.

Il-Partit Nazzjonalista bħan-nies qed jistaqsi:

1.        Għaliex il-Vitals telqet minn Malta meta suppost kellha kuntratt għal 30 sena?
2.        Jekk il-liġijiet Ewropej, li deħlin ftit ġranet oħra, u li jesiġu li s-sidien ta’ kumpaniji jkun magħruf min huma, biex jiġi evitat ħasil ta’ flus kienetx ir-raġuni veru li Vitals biegħu malajr il-konċessjoni lil Steward Healthcare System? Issa aktar minn qatt qabel jista’ l-Gvern jghid min huma s-sidien veri ta’ Vitals?
3.        Jekk fl-għaġġla biex tiġi mibjugħa u trasferita l-konċessjoni minn Vitals Health Care għal Steward Healthcare System ġewx osservati l-proċeduri u r-regolamenti kollha ta’ public procurement?
4.        Huwa minnu li l-Vitals ilhom li telqu minn Malta minn Marzu li għadda? Jekk iva ghaliex ma’ kien infurmat ħadd?
5.        Kemm laħqu ħadu flus il-Vitals f’dawn is-sentejn li għamlu suppost imexxu l-isptarijiet?
6.        La darba il-ftehim ma għadux fis-seħħ, il-Gvern lest jippublika il-kuntratt kollhu ma VGH mingħajr ħabi u ċ-ċensuri bil-linji suwed?

Il-Partit Nazzjonalista jinsab mħasseb b’ dan il-każ li ddikjarah bħala “xempju ta’ nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ governanza tajba u “f’isem il-poplu Malti jeżiġi tweġibiet ċari u mingħajr ħabi. Fuq kollox qed tintalab assigurazzjoni li dan it-trasferiment mhux se jaffettwa ħażin lill-pazjenti u lilll-istaff.”