Il-Kummissjoni Ewropea qed tinvestiga lil Malta wara lment minn ċittadin Ingliż, David Reiling, dwar id-diffikultajiet li ċittadini tal-Unjoni Ewropea jsibu biex jiftħu kont kurrenti f’bank lokali.
Dwar l-iffaċilitar biex ċittadini Ewropej jiftħu kont bankarju f’pajjiż differenti minn fejn joriġinaw hemm direttiva tal-Unjoni Ewropea li pajjiżna kellu jintroduċi sa Settembru tal-2016.
Skont il-Kummissjoni Ewropea, id-direttiva ġiet introdotta fil-liġi Maltija wara avviż formali, iżda issa l-investigazzjoni trid tara jekk il-miżuri kollha ta’ din id-direttiva hux qed jiġu implimentati kif suppost.
Id-direttiva kellha tiddaħħal fis-seħħ mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea sat-18 ta’ Setttembru tal-2016 iżda Malta anqset milli tagħmel dan. Għalhekk fl-24 ta’ Novembru pajjiżna kien imwissi biex finalment id-direttiva ddaħlet fis-seħħ f’Diċembru tal-istess sena.
David Reiling irrapporta lill-Kummissjoni Ewropea li ċ-ċittadini Ewropej li jaslu f’pajjiżna għandhom bżonn kont bankarju minħabba l-paga tagħhom, iżda dan mhux ikun garantit lanqas meta l-applikant ikun ġab indirizz ta’ residenza permanenti.
L-ilmenti huma persistenti minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu f’Malta, li jiddeskrivu l-proċess bħala wieħed twil u frustranti. U dan biex wieħed ma jsemmix li l-proċess għal ċittadini mhux minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li l-proċess għalihom hu ferm itwal.
//= $special ?>