Knisja Lokali

Opportunità li tara x-xogħol tal-pavimentar fil-Bażilika tal-Karmnu l-Belt

Matul din it-tmiem il-ġimgħa, il-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta se tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku biex iżur ix-xogħolijiet li qed isiru fuq il-pavimentar tal-istess Bażilika.

In-Nazzjon tkellem mal-Pirjol, Patri Alexander Scerri O.Carm, fuq l-andament tax-xogħol:

“Qiegħdin fi stadju avvanzat mhux ħażin. Bdejna minn nofs bl-arma tal-Bażilika, l-arma tal-Karmnu u tal-Papa Leone XIII, u mbagħad ftaħna bil-mod il-mod lejn it-truf. L-ikbar diffikultà bħalissa hija li twassal it-truf mal-ħitan. Bejn wieħed u ieħor qed noqorbu biex jitqiegħed l-irħam kollu u b’hekk ikun għad baqa’ l-illustrar tiegħu u t-tindif tal-Knisja. Qed nikkalkulaw inkunu lesti qisu għall-aħħar ta’ Marzu, bidu t’April, għall-Għid bejn wieħed u ieħor.”

Ix-xogħol mistenni jiswa’ man-nofs miljun ewro fuq disinn tal-Kavallier Joseph D’amato, l-istess artist li ħadem l-iskultura tal-Bażilika fil-ġebel, u qed isir mid-ditta Cooperattiva Lago di Marsini di Carrara tal-Italja

Il-Bażilika bejn il-Gimgha u l-Ħadd se tkun qed tiftaħ bejn id-9 ta’ filgħodu u s-6 ta’ filgħaxija. Dak li jkun ikun jista’ jżur il-Knisja jara x-xogħol u jħalli d-donazzjoni tiegħu b’riżq dan il-proġett ambizzjuż.

Il-Bażilika ngħalqet ftit ġimgħat wara l-festa tal-Karmnu tal-Belt Valletta ta’ dis-sena u l-Komunità Karmelitana Beltija qiegħda tinqeda mill-Knisja tal-Madonna tal-Pilar u l-Oratorju tal-Bażilika għall-ħtiġijiet spiritwali.