Fiorentina kisbu rebħa importanti meta għelbu lil Cagliari barra minn darhom 1-0 biex telgħu fis-seba’ post b’26 punt. Il-gowl deċiżiv għalihom kien skorjat fit-82 minuta meta minn kross mil-lemin, KHOUMA BABACAR mattar siequ u għeleb lil Alessio Cragno minn tarf il-kaxxa ż-żgħira.
Bologna rritornaw għar-rebħa wara żewġ telfiet konsekuttivi meta għelbu lil Chievo 3-2 biex laħqu momentarjament lil Milan u Atalanta.
Bologna marru minn fuq wara’ erba’ minuti meta minn korner mix-xellug, kien MATTIA DESTRO li b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa ż-żgħira għeleb lil Sorrentino. Chievo ġabu d-draw fit-32 minuta meta minn korner mil-lemin, ROBERTO INGLESE għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras fuq it-tieni lasta għeleb lil Mirante.
It-tim ta’ Donadoni reġa’ mar minn fuq fil-50 minuta b’Sorrentino jsalva parzjalment xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Masina, b’SIMONE VERDI jiskorja mir-rebound. Chievo kienu għoddhom ġabu d-draw fit-78 minuta permezz ta’ Sergio Pellissier, iżda Domenico Maietta salva fuq il-linja.
Bologna kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fil-81 minuta meta tkeċċa għat-tieni karta safra Andrea Poli. Chievo dehru li ħadu vantaġġ meta tliet minuti wara kien id-difensur FABRIZIO CACCIATORE li ġibed il-ballun għan-nofs fil-kaxxa u b’xutt għar-rokna għeleb lil Mirante.
Iżda l-logħba kienet għadha ma spiċċatx għaliex Bologna skorjaw il-gowl tar-rebħa fid-90 minuta meta MATTIA DESTRO ħa vantaġġ minn żelqa sfortunata ta’ Cacciatore u għeleb lil Sorrentino b’xutt fil-baxx.
//= $special ?>