Lokali

Tirreaġixxi wkoll l-MUMN dwar li l-VGH sfaxxat

L-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN qed tistenna li jkollha laqgħa ma’ Steward Healthcare li se jieħdu f’idejhom l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li l-Vitals Global Healthcare sfaxxat fi żmien sentejn.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN, Colin Galea, ma’ Net News qal li li jekk il-laqgħa ma ssirx se jkunu huma li jitolbu li ssir il-laqgħa.

Colin Galea qal anke li huma ma kienu jafu b’xejn qabel ma nfurmhom il-bieraħ il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li l-VGH issa sfaxxat.

Hu kompla jgħid li infurmaw lill-membri tagħhom b’dan kollu u li ġew assigurati mill-Ministru Chris Fearne li l-kundizzjonijiet miftehma mhux se jinbidlu.

L-eks Kap Eżekuttiv tal-VGH, Armin Ernst, hu l-persuna li kien f’pajjiżna fl-aħħar ġranet sabiex jagħlaq id-deal misterjuż illi ra lil Steward Health Care jieħdu f’idejhom l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

L-isem ta’ Ernst ikkonfermah il-Ministru Chris Fearne innifsu meta ilbieraħ fil-briefing tiegħu lill-ġurnalisti qal li “kien hawn f’pajjiżna l-President ta’ Steward Health Care”. Fil-fatt, dan il-President mhu ħadd ħlief Armin Ernst, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Vitals.

Armin Ernst kien ħalla t-tmexxija ta’ Vitals f’Ottubru li għadda – ix-xahar eżatt li fih il-Gvern irċieva preżentazzjoni mingħand Steward qabel jieħdu f’idejhom it-tliet sptarijiet. ir-riżenja ta’ Ernst kienet inżammet mistura mill-VGH.