Barcelona komplew saħħew l-ewwel post fil-klassifika tal-kampjonat Spanjol b’rebħa mill-aqwa ta’ 3-0 barra minn darhom kontra r-rivali Real Madrid.
Il-gowls waslu kollha fit-tieni taqsima u fihom dejjem kien involut Lionel Messi. Grazzi għal din ir-rebħa Barcelona issa jinsabu 15-il punt fuq l-istess Real Madrid li qegħdin fir-raba’ post iżda b’partita inqas.
Bla dubju din it-telfa għal Real Madrid hi daqqa ta’ ħarta għat-tamiet tagħhom li jerġgħu jirbħu l-kampjonat bħal ma għamlu f’Mejju li għadda.
Ħarsa lejn l-istatistika turi li l-ebda tim fl-istorja tal-La Liga ma rebaħ il-kampjonat meta kien 10 punti taħt il-lider
Ġimgħa ilu, Real kienu għadhom kemm ġew inkurunati champions tad-dinja imma lbieraħ ma kellhom l-ebda reazzjoni għal Barcelona li bil-wirja tagħhom sikktu lill-partitarji preżenti fil-Bernabeu.
Kien fl-54 minuta meta l-Katalanti fetħu l-iskor hekk kif Rakitic għadda ballun lejn Sergio Roberto li qassam lejn SUAREZ li minn ġewwa l-kaxxa ma żbaljax għal 1-0.
10 minuti wara Barcelona ngħataw penalty meta Suarez l-ewwel ra xutt tiegħu jkun salvat, ir-rebound tiegħu laqtet il-lasta u d-difensur ta’ Real Carvajal imblokka xutt ta’ Paulinho b’idu.
Carvajal tkeċċa u mill-11-il metru MESSI għeleb lill-gowlkiper avversarju.
Barcelona ssiġillaw ir-rebħa fid-90 minuta meta Messi qabeż lil Marcelo u qassam lejn in-nofs lejn VIDAL li skurja b’xutt li kien temporanjament salvat għal skor finali ta’ 3-0.
//= $special ?>