L-aċċess eħfef għall-kondoms u l-kontraċettivi speċjalment f’postijiet frekwentati miż-żgħażagħ hija waħda mit-talbiet li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qed jagħmel lill-Gvern. F’ittra lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-KNŻ għamel 10 proposti dwar is-saħħa sesswali.
Proposti oħra jinkludu t-tqassim ta’ kits għal testijiet tal-HIV, klinika f’Għawdex li tagħmel xogħol simili għal-GU Clinic ta’ Malta, evalwazzjoni mill-ġdid tal-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa sesswali, u diskussjoni dwar it-tneħħija tal-projbizzjoni li ma tħallix persuni omosesswali milli jagħtu d-demm.
Proposta oħra tinkludi l-introduzzjoni ta’ ‘mobile health clinic’ – li xogħlu jkun li jdur madwar il-pajjiż biex iqassam kontraċettivi, testijiet tat-tqala, testijiet tad-demm u tal-pipi u biex jagħti għajnuna lil dawk li jirriżulta li jkollhom xi infezzjonijiet trażmessi sesswalment.
Fuq kollox, il-proposti tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jitolbu li jkun hawn iktar għarfien fl-iskejjel dwar ir-riproduzzjoni, liema għarfien għandu jingħata f’kuntest ta’ saħħa fiżika, mentali u emozzjonali.
Il-KNŻ jitlob ukoll li jkun hemm żieda fl-edukazzjoni dwar it-tipi ta’ ġeneri u sesswalitajiet differenti – bil-għan li jkun rispett u djalogu akbar u aktar b’saħħtu ta’ bejn indivdwi b’karatteristiċi differenti.
NET News tkellem mal-President tal-KNŻ Michael Piccinino. Ara l-filmat.
//= $special ?>