Numru ta’ persuni kellhom jingħataw l-attenzjoni medika wara li belgħu xi dħaħen meta żviluppa nar f’residenza f’Birkirkara.
L-inċident f’appartament fi Triq Domenico Cachia f’Birkirkara, fl-inħawi tal-Mitħna u ta’ supermarket ewlieni, seħħ għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar.
Skont informazzjoni li għandu NET News jirriżulta li sufan f’din ir-residenza ħa n-nar minn heater. Fl-appartament kien hemm persuna waħda.
Malli kiber in-nar, kien wieħed mill-ġirien li joqgħod fl-appartament ta’ taħt li mar mill-ewwel biex jagħti l-għajnuna tiegħu.
Ġew infurmati wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll Pulizija, li marru fuq il-post biex fi ftit ħin ikkontrollaw in-nar.
Il-persuna li kienet fl-appartament ittieħdet l-isptar Mater Dei għall-kura. Il-ġar li mar jagħti l-ewwel għajnuna u Pulizija li wkoll daħal fl-appartament biex jassisti kellhom jingħataw il-maskra tal-ossiġnu fuq il-post minħabba xi duħħan li belgħu.
Ritratt meħud minn Paul Scerri.
//= $special ?>