Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-pubbliku fid-Dar Ċentrali tal-PN

Adrian Delia, akkumpanjat mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, jiddedika sagħtejn li matulhom jiltaqa' man-nies fi skambju t'awguri

Jumejn qabel il-Milied, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddedika sagħtejn li matulhom laqa’ lill-pubbliku fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalist għal skambju t’awguri.

L-istedina tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista ntlaqgħat tajjeb ħafna min-nies. Fil-fatt, bosta persuni minn kull qasam tas-soċjetà, minn kumitati sezzjonali, fergħat, assoċjazzjonijiet u Unions, fost l-oħrajn kellhom l-opportunià li jiltaqgħu jawguraw il-festi t-tajba lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Għal dan l-awgurju, flimkien ma’ Adrian Delia kien hemm il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista David Agius u Robert Arrigo kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

Din l-esperjenza, Adrian Delia ddeskriviha bħala esperjenza sabiħa u unika għax “dan huwa mument sinċier fejn bħala ħbieb u bħala familja nawguraw lil xulxin għal dan iż-żmien ta’ festi u nittamaw għal sena ġdida tajba”. Hu żied jgħid li jidher li l-passjoni li hu qed juri f’dan il-vjaġġ politiku qed jittieħed b’mod pożittiv min-nies u semma kif f’mumenti bħal dawn, wieħed m’għandux jaħseb biss fil-politika iżda jaħseb f’ħaddieħor b’mod partikolari minn hu fil-bżonn.