Sport Sport Ieħor

OLIMPJADI – Inqas flus għal Tokyo 2020

Il-Kumitat Organizattiv tal-Olimpjadi ta’ Tokyo ħabbar tnaqqis sostanzjali minn nefqa oriġinali li kienet allokata għall-Olimpjadi tal-2020.

L-Olimpjadi issa huma stmati li ser jiswew lill-Ġappun 13 il-biljun dollaru. Dan ifisser li mill-istimi li saru f’Diċembru tal-2016 u Mejju tal-2017 tnaqqsu b’biljun u nofs dollaru.

Dan ħabbru Hidemasa Nakamura, Direttur tal-Finanzi tal-Olimpjadi li ma naqasx milli jikkonferma li ser ikun hemm aktar tnaqqis meta ssir analiżi aktar wiesa’ b’rabta ma’ akkomodazzjoni, trasport u mezzi tas-sigurta. Dan it-tnaqqis għandu jsir biex ma jkunx hemm piż fuq il-fondi pubbliċi.

Dan it-tnaqqis hu wkoll riżultat tal-aħħar laqgħa tal-Kumitat ta’ evalwazzjoni immexxija mill-Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali John Coates fejn enfasizza li kien hemm bżonn li jseħħ ċertu tnaqqis mill-istima oriġinali.

Il-Gvern Ġappuniż ser joħrog seba’ biljun dollaru filwaqt li l-Kumitat Organizattiv tal-Olimpjadi ta’ Tokyo 2020 ser joħrog id-differenza. Fl-2016 Bord ta’ esperti kienu kkalkulaw li l-ispiża tal-Olimpjadi setgħet tlaħħaq saħansitra 25 biljun dollaru bl-akbar spiża tkun fuq il-bini tal-Istadium Olimpiku.