Lokali

FILMAT: L-Arċisqof jappella biex fil-Milied naħfru u nħobbu iżjed lil xulxin

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna appella biex bħal Ġesù, inħobbu u naħfru iżjed lil xulxin, speċjalment peress li din hi t-tifsira veru tal-Milied. L-Arċisqof għamel dan l-appell meta kien qed jitkellem fil-messaġġ tal-Milied.

L-Arċisqof wassal il-messaġġ tiegħu tal-Milied mill-Katidral tal-Imdina, fejn hemm presepju Naplitan li juri ħafna personaġġi fil-wied mhedija fix-xogħol tagħhom – waqt li min-naħa l-oħra, huma ftit dawk il-personaġġi jħarsu lejn il-maxtura ta’ Ġesù, bl-Arċisqof jgħid li ħafna drabi din tiġri lilna wkoll fil-kultura tagħna.

“Il-Milied jiġi u jgħaddi imma donnu Ġesù ma jkunx ġie. Jiena nawgura li fil-ħajja tiegħi u tagħkom dan il-Milied ikun ifisser li Ġesù jidħol tassew fil-qalb tagħna bil-faraġ tiegħu imma anke bil-kelma għażiża tiegħu. Hu jistedinna biex naħfru lil xulxin, inħobbu iżjed lil xulxin, naraw il-preżenza tiegħu f’ħutna, b’mod speċjali dawk ħutna li għandhom bżonn speċjali tal-imħabba u l-attenzjoni tagħna”, qal l-Arċisqof fil-messaġġ tiegħu.

Minn quddiem il-presepju Naplitan, l-Arċisqof qal li l-Milied mhux storja ta’ 2,000 sena ilu imma storja li tiġġedded f’kull kultura u f’kull ambjent.

“Il-presepju Naplitan huwa ġeneru ta’ arti partikolari: ipoġġi x-xena tal-Milied fl-ambjent ta’ Napli ta’ 300 sena ilu għaliex il-Milied huwa storja mhux biss ta’ 2,000 sena ilu imma huwa storja li tiġġedded f’kull kultura, f’kull ambjent. It-tokki tal-knisja jistednuna biex aħna u nersqu lejn il-Mulej ma ninsewx li l-Milied mhuwiex biss storja tal-imgħoddi imma messaġġ attwali għal-lum”, qal l-Arċisqof.

L-Arċisqof innota wkoll li l-istess presepju fih il-figura ta’ San Gejtanu li kien insista li f’Napli jkun hemm il-presepji b’tifkira tat-twelid ta’ Ġesù, u figura tal-Malti San Ġorġ Preca, li xerred ħafna devozzjoni lejn il-purċissjoni tal-bambin u l-kelma ta’ Ġesù.

L-Arċisqof żied jgħid li hija xi ħaġa sabiħa li mill-qaddisin, wieħed jifhem li tkun Nisrani hija xi ħaġa konkreta u xi ħaġa possibbli, u li jifhem li l-Milied hija festa dwar il-persuna ta’ Ġesù. Temm jgħid li jkun sabiħ jekk insibu ċ-ċans biex nieqfu u nawguraw il-Milied it-Tajjeb ankè lil Ġesù Bambin.