Quiven Ellul għandu erba’ snin u żgur li mhuwiex wiċċ ġdid fil-media lokali. Fl-aħħar snin, il-ġenituri ta’ Quiven kemm-il darba għamlu appelli pubbliċi għall-għajnuna, wara li fl-aħħar snin, għaddew minn tbatijiet kbar minħabba l-marda li kienet laqtet liċ-ċkejken tagħhom.
Filfatt, tliet snin ilu, Johann u Karen Ellul kellhom jitilgħu Londra biċ-ċkejken Quiven biex issirlu l-ewwel operazzjoni minħabba tumur li kellu mifrux f’għajnejh it-tnejn. F’Lejliet il-Milied ta’ tliet snin ilu, saritlu l-ewwel operazzjoni fejn lil Quiven tneħħietlu għajn waħda. Wara ftit xhur, kellhom ineħħulu wkoll it-tieni waħda. “Qalulna li jew ineħħuhielu, jew imbagħad jispiċċa jikber u jkollu ħafna problemi… jispiċċa ħażin ħafna,” qaltilna Karen, omm Quiven.
Missier Quiven, Johann, qasam magħna l-ansjetà li dan iż-żmien tas-sena jibqa’ jġib miegħu. “Għalija dan iż-żmien hu l-bidu, it-tarf, tal-istallet. Meta tiftakar li f’Lejliet il-Milied kienu neħħewlu l-ewwel għajn, iktar jitqanqlu memorji koroh. Avolja għaddew tliet snin, id-dieqa xorta tkun għadha hemmek,” qalilna.
Imma minkejja l-memorji koroh ta’ tliet snin ilu u tax-xhur li segwew, wara tliet snin, omm u missier Quiven qed jistinkaw biex liċ-ċkejken jgħinuh jikber u jkollu ħajja normali bħat-tfal l-oħra. “It-tifel jilgħab, jiġri u jagħmel dak kollu li jagħmlu t-tfal l-oħra,” qaltilna Karen. “M’ilux kellna l-kunċert tal-Milied fl-iskola, u Quiven żifen u tkellem fuq il-palk bħall-oħrajn,” żiedet tgħid.

Omm u missier Quiven anke rnexxielhom jgħallmuh il-kuluri billi abbinaw tipi differenti ta’ materjali ma’ kuluri differenti. B’hekk, fil-klassi, Quiven ikun jaf liema kulur irid jaqbad skont il-materjal li jħoss.
“S’issa qatt ma staqsieni ‘għaliex…’, anzi, pjuttos qisu dera li jekk immorru x’imkien u lill-oħrajn ngħidilhom ‘ara x’hemm’, Quiven jgħidli ‘ħa nmissha’. Imbagħad imissha b’idejh u jgħidli ‘orrajt, rajtha jiena'”, qaltilna omm it-tifel.
Malli dħalna għand Johann u Karen fid-dar tagħhom f’Ħal Għaxaq, sibna lil Quiven mal-art jilgħab bil-ġugarelli tal-annimmali. Fuq moħħu kellu wkoll dawra tond ħamra – tpinġija li baqa’ ġej biha mill-iskola. Imma peress li għamlitielu l-għalliema tal-klassi, Quiven ma ried ineħħiha b’xejn. “Ma jrid ineħħiħ b’xejn!” qalilna missieru.
Fuq kollox, għal Johann u Karen – l-importanti li Quiven jikber indipendenti. Ħalli fil-futur, ikun jista’ jaqdef għal rasu. “Biżżejjed għadda minn ħafna affarijiet, ma nixtiqux jgħaddi minn iktar affarijiet,” qalilna missieru.
“Trid tipprova timxi ‘l qudiem għax inti lilu ma tridx twaħħlu hemm. Ma tridx tgħidlu ‘issa inti kif inti, trid toqgħod id-dar…’ Le, trid tgħidlu ‘inti, għalkemm differenti, tista’ tagħmel bħal ħaddiehor,” żiedet tgħid Karen, omm Quiven, li l-ħolma tagħha hi li tara lil binha jiggradwa. “Jien nispera li xi darba għad narah bit-toga. Dik hi x-xewqa tieghi… li narah jirnexxi,” temmet tgħid omm iċ-ċkejken.
Quiven hu wieħed miċ-ċkejknin li bbenefika mill-ġenerożità tal-Maltin fl-Istrina – l-għada tal-Milied
//= $special ?>