Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Sanzjonijiet imfissra bħala ‘att ta’ gwerra’

Ir-reġim komunista li jmexxi lill-Korea ta’ Fuq fisser l-aħħar sanzjonijiet imposti fuq pajjiżu min-Nazzjonijiet Uniti bħala att ta’ gwerra.

Stqarrija minn Pyongyang qalet li l-miżuri tan-Nazzjonijiet Uniti jitqiesu l-istess bħal imblokk ekonomiku u li l-Korea ta’ Fuq issa spiċċat kostretta li ssaħħaħ il-miżuri għal deterrent bħala l-uniku tweġiba fil-konfront tal-Istati Uniti.

Il-Kunsill ta-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, nhar il-Ġimgħa imponiet is-sanzjonijeit ġodda fuq Pyongyang b’reazzjoni għall-provi tal-missili ballistiċi mir-reġim komunista tal-Korea ta’ Fuq.

Ir-riżoluzzjoni li għaddiet l-Istati Uniti għandha l-appoġġ totali mill-pajjiżi tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tinkludi miżuri biex l-importazzjoni tal-petrol mill-Korea ta’ Fuq tinqata’ b’sa 90 fil-mija. Dan meta diġà hemm effettivi sanzjonijiet oħra fuq Pyongyang min-naħa tal-Istati Uniti, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea.