Fil-lejl tal-Milied u l-iljieli ta’ qabilha, is-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. torganizza d-Dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin fl-irħula kollha ta’ Malta Għawdex. San Ġorġ Preca beda din id-drawwa fl-1920 ġewwa l-Ħamrun meta flimkien mas-soċji tal-Mużew tal-Ħamrun flimkien mat-tfal tal-qasam organizzaw dimostrazzjoni fil-lejl tal-Milied bil-Bambin bil-għan tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni.
Iżda peress li Lejlet il-Milied illum ħabat il-Ħadd, il-Koppin ħasbu jorganizzaw din id-dimostrazzjoni filgħodu. Fid-9:30 ta’ filghodu, il-membri tal-Mużew animaw quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Leonardu ta’ Ħal Kirkop, u wara ħarġet id-dimostrazzjoni b’Ġesù Bambin li għalieha attendiet folla numeruża. Fuq quddiem imxiet tabella bil-kliem: ‘L-Iben t’Alla sar Bniedem’ u waslet lit-tfal Koppin mal-ġenituri tul iċ-ċentru tar-raħal sal-Qasam tal-Mużew.
Iktar tard, NET News żar il-Knisja Parrokkali l-Antika ta’ San Ġiljan, magħrufa bħala l-Knisja ta’ Lapsi, biex jara l-aħħar tħejjijiet tas-sagristana tal-knisja għall-funzjoni tal-lejl tal-Milied li tibda fid-9 tal-lejla.
Chris Micallef, Niki Papagiorcopulo u Ellen Bonello mill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi ilhom għal dawn l-aħħar xahar iħejju l-Knisja bl-aħjar mod possibli għall-miġja ta’ Ġesù Bambin. Huma spjegawlna kif il-knisja tiġi mnaddfa kollha sabiex imbagħad jibda tiela’ d-damask, jinħarġu l-anġli ta’ Karlu Darmanin u jieħu postu l-armar tal-knisja għall-Milied.
Mad-dawra tal-knisja nnutajna għadd ta’ xeni tan-nattivita armati bħall-presepju fil-bieb il-kbir tal-Knisja, maħdum minn Alfred Micallef b’pasturi tal-ġablo ta’ Karm Borg, u kwadru tan-Nattività ta’ Ġesù b’Sant’ Anna u San Ġwakkin armat fuq l-artal ta’ San Ġużepp. Dan il-kwadru, xogħol ta’ pittur mhux magħruf tas-seklu 17, ilu ma jintrama 10 snin fil-knisja għall-Milied.
Għajnejk fil-knisja iżda mill-ewwel jeħduk fuq stilla armata fuq l-artal maġġur li bir-raġġi tagħha jwassluk għal dak armat fuqu. Fost l-apparat liturġiku armat hemm il-gandlieri tal-festi sekondarji fuq il-prima tas-sekonda, ventartal sekonda, u Bambin ta’ Lecce, restawrat minn Chris Micallef, u armat taħt mant tad-drapp Canavazzo d’Oro, meħjut minn Antonia Tanti.
//= $special ?>