Internazzjonali

“Paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” … għall-kenn tal-kalashnikov

“Aħna konxji ħafna dwar il-possibbiltà ta’ xi attakk. Il-Gvern jibgħat pulizija armati kull nhar ta’ Ħadd. Minħabba l-inċident ta’ Quetta, l-attenzjoni tkun ikbar. Aħna nikru wkoll metal detectors. Imma qabel in-nies ikunu diġà ġew iċċekkjati b’detectors oħra tal-idejn.” - Fr. Gerard Bonello, MSSP

F’intervista ma’ il-mument, Fr Gerard Bonello, missjunarju tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl f’Lahore, jitkellem dwar is-sitwazzjoni fejn qegħdin jaħdmu fl-isfond tal-attakk terroristiku li seħħ fi Quetta bħal-lum ġimgħa. Quetta tinsab madwar 14-il siegħa u nofs bogħod minn Lahore bi vjaġġ bil-karozza.

X’kienet l-ewwel reazzjoni tagħkom għal dan l-attakk?

L-ewwel reazzjoni kienet: ERĠAJNA. Għedt ‘erġajna’, għax l-attentat ġo Quetta kien irrappurtat ħafna mill-midja internazzjonali; u kien attakk kontra l-Insara, u fi żmien il-Milied.

Attakki oħra reċenti, jew ta’ xhur ilu, li saru kontra postijiet Musulmani, ġibdu ħafna inqas attenzjoni. Irrid ngħid: esperjenzi traġiċi bħal dawn, għalina hawnhekk, huma parti mill-mod tal-ħajja tagħna.

Xi pjani għandha l-MSSP fil-Pakistan f’dawk li huma ċelebrazzjonijiet tal-Milied?

Mal-bqija tal-Insara fil-Pakistan kollu, fil-knejjes tagħna, l-MSSP lesta programm sħiħ għal-lejlet il-Milied u nhar il-Milied. L-Insara jattendu bi ħġarhom, forsi iktar minn ġranet oħra tas-sena. Aħna rridu nibqgħu sejrin bil-ħajja tagħna, u bħalna u magħna, l-Insara kollha.

Aħna l-MSSP konxji ħafna dwar il-possibbiltà ta’ xi attakk. U fil-każ partikolari taz-zona tagħna, għadha friska t-tifkira tal-attakk suwiċida li kien sar fil-15 ta’ Marzu, 2015, kontra knisja Kattolika u oħra tal-Protestanti. Fih kienu mietu 17-il ruħ. Dan l-attentat kien 200 metru ’l bogħod mid-dar tagħna tal-MSSP.
Imma, kif diġà għedt, aħna rridu nibqgħu għaddejjin bil-ħajja tagħna. Il-Milied hu mument qawwi ta’ ċelebrazzjoni tal-fidi tagħna f’dak li ried jaqsam ħajtu mal-bniedem billi hu stess sar bniedem. Dan hu l-Milied, lil hemm mill-festini u ma nafx xiex: Alla li jaqsam ħajtu mal-bniedem, li jidħol f’ħajtu billi hu stess isir bniedem. Forsi ħolma? Ngħid għalija personalment, hu Alla li ħolom l-ikbar ħolma. Il-profeta Iżaija [Is. 11: 1 – 9] kien diġà ta ħjiel qawwi tal-mod kif Alla jaf joħlom, fl-istampa li tana tal-lupu li jgħix mal-ħaruf, mat-tifel iż-żgħir li jdaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa… U nhar il-Milied Iben Alla setgħani twieled f’pajjiż maħkum mill-qawwa dinjija ta’ Ruma taż-żmien, ġo għar, f’raħal mitluf… u beda jaqsam ħajtu magħna. Jien hekk naraha ħajti, li naqsam dak li jien man-nies tagħna, fit-tlugħ u l-inżul ta’ ħajjithom, u fis-skiet nipprova niżra’ t-tama f’għada li jista’ jkun aħjar mil-lum. U dan ta’ kuljum. U sadanittant, anke jien u sħabi noqogħdu għall-kenn tal-kalashnikov.

Se tieħdu xi miżuri ta’ sigurtà partikulari biex tevitaw il-ħinijiet ta’ billejl?

Hawnhekk, lejlet il-Milied nibdew fit-8.00pm. Sigurtà dejjem, kemm mill-pulizija (armati), u kemm min-nies tagħna, armati wkoll. In-nies tagħna jafu lin-nies tal-parroċċa billi aħna qegħdin ġo zona żgħira tal-periferija ta’ Lahore.

Qed ikun irrappurtat li l-Gvern Pakistani wara l-attakk tal-Ħadd li għadda qed iżid il-miżuri ta’ sigurtà. Fil-postijiet fejn taħdmu u qed tgħixu, x’tip ta’ sigurtà/għassa qed ikollkom?

Il-Gvern jibgħat pulizija armati kull nhar ta’ Ħadd. U minħabba l-inċident ta’ Quetta ta’ ftit ġranet ilu, l-attenzjoni tkun ikbar. Aħna nikru wkoll metal detectors. Imma qabel in-nies jgħaddu minnhom, ikunu diġà ġew iċċekkjati b’detectors oħra tal-idejn min-nies tagħna.

X’għajnuna qed issibu min-nies lokali?

L-Insara joffru ruħhom bħala voluntieri għas-servizz ta’ sigurtà – kemm irġiel u kemm nisa.