Lokali

Quddiesa ta’ nofsillejl storika fil-Milied

Kitba li dehret fuq il-mument ta’ Lejliet il-Milied

Ix-xogħol ta’ pavimentar li qed isir bħalissa fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu huwa r-raġuni li wassal għal dan l-avveniment reliġjuż storiku

Għall-ewwel darba f’Malta, se tiġi ċċelebrata quddiesa Kattolika fi knisja Anglikana. Dan se jseħħ illejla meta l-quddiesa ta’ nofsillejl tal-Milied, li s-soltu tiġi ċċelebrata fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta, se tkun ċċelebrata fil-pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl li jinsab ftit metri ‘l bogħod mill-istess knisja.

Iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan huma x-xogħol ta’ pavimentar li qed isir bħalissa fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, li ilu li beda minn Settembru li għadda. Kaġun ta’ dan, il-Knisja tal-Karmnu tinsab magħluqa u l-quddies li normalment kien isir fiha, qed isir fil-Knisja tal-Madonna tal-Pilar, li madanakollu hija żgħira wisq biex tilqa’ n-nies li jattendu f’okkażjonijiet kbar fil-Knisja tal-Karmnu.

Kien proprju f’dan iż-żmien li l-Kanċellier tal-pro-Katikral ta’ San Pawl, il-Kanonku Simon Godfrey, kien offra lill-Pirjol tal-Knisja tal-Karmnu, Patri Alex Scerri, biex jekk ikun hemm bżonn ta’ xi għajnuna ma jiddejjaqx jirrikorri lejh. Patri Alex, min-naħa tiegħu, tkellem mal-Provinċjal tal-Ordni Karmelitan, Patri Sandro Vella, u flimkien tkellmu mal-Arċisqof Charles Scicluna, li min-naħa tiegħu, aċċetta bil-ferħ din l-offerta.

L-awtorijiet tal-Ordni Karmelitan ikkomunikaw id-deċiżjoni tagħhom lill-Kanonku Simon Godfrey u għarrfuh li għall-okkażjoni tal-Milied, il-quddiesa ta’ nofsillejl ma’ kellhomx fejn jagħmluha. Min-naħa tiegħu, il-Kanonku Godfrey offra li l-quddiesa tista’ ssir fil-pro-Katidral waqt li hu kien se jittrasferixxi s-servizz li normalment isir fil-pro-Katidral għall-Knisja tat-Trinità Mqaddsa li ċ-Church of England għandha f’Tas-Sliema.

“Sinjal sabiħ ta’ ekumeniżmu fil-prattika”

Mitlub jikkummenta minn il-mument, l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna qal li dan huwa sinjal sabiħ ta’ ekumeniżmu fil-prattika. Barra minn hekk, dan huwa ġest straordinarjament sabiħ li fih għandna kemm lill-Kattoliċi kif ukoll lill-Anglikani li qed juru li aħna lkoll inqimu lil Alla wieħed. L-Arċisqof Scicluna rrimarka li din is-sena mhux se ssir il-quddiesa ta’ nofsillejl fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, u għalhekk irringrazzja doppjament lill-Kanċellier Simon Godfrey għal dan il-ġest verament sabiħ tiegħu.

L-Arċisqof Scicluna kkonferma li din se tkun l-ewwel darba li quddiesa Kattolika se tkun iċċelebrata fi knisja Anglikana f’Malta, u qal li s-sitwazzjoni bil-maqlub ilha sseħħ fid-djoċesi Ghawdxija li fiha, l-Anglikani jagħmlu regolarment is-servizzi tagħhom fi knisja Kattolika peress li f’Għawdex mhemmx knisja Anglikana.

Il-Kanonku Simon Godfrey meta kien qed jitkellem ma’ il-mument, awgura li fi żmien mhux ‘il bogħod, il-komunitajiet Insara jibdew imorru aktar għand xulxin għaliex, meta tqis kollox ma’ kollox, kulħadd qed jaħdem għal skop wieħed.

Il-Pirjol tal-Komunità Karmelitana fil-Belt, Fr Alex Scerri, qal li dan kollu beda mill-ħbiberija li teżisti bejnu u bejn il-Kanonku Simon Godfrey. Kompla jgħid li ma kienx sorpriż bil-proposta tal-Kanċellier tal-Katidral Anglikan għaliex dejjem kien hemm turija vera ta’ koperazzjoni.

Ta’ min jgħid li llum, il-Knisja tal-Karmnu l-Belt hija miftuħa biex kull min irid, ikun jista’ jara x-xoghol ta’ pavimentar li qed isir fiha.