Storja li dehret fuq il-mument tal-Lejliet il-Milied.
Minkejja l-ħajja f’Betlem għaddejja, il-frustrazzjoni tan-nies lokali kulma tmur dejjem qiegħda tikber u toħroġ fil-beraħ. Dan kaġun tal-aħħar żviluppi politiċi bid-dikjarazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump li l-Istati Uniti qed tirrikonoxxi lill-belt ta’ Ġerusalamm bħala l-kapitali tal-Istat tal-Iżrael.
Fil-fatt, Betlem esperjenzat fost l-aktar ġlied qalil bejn il-Palestinjani u l-qawwiet Iżraeljani minn meta Trump għamel din id-dikjarazzjoni.
“Diffiċli li tipprevedi soluzzjoni għas-sitwazzjoni t’issa”
il-mument intervistat lil Suor Maria Grech tal-Kongregazzjoni Franġiskani Missjunarji ta’ Marija; missjunarja f’Betlem dwar is-sitwazzjoni ta’ bħalissa. Hija qalet li kemm ilha fil-missjoni fl-artijiet tal-Lvant Nofsani, dejjem innutat li minn żmien għal żmien ikun hemm sitwazzjonijiet diffiċli, imma din preżenti hija waħda li diffiċli li tipprevedi soluzzjoni għaliha.
Suor Mario Grech kompliet tfisser is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa f’dawn il-jiem f’Betlem. “Is-sitwazzjoni f’Betlem hija waħda tal-biża’, dejjem bil-ġlied. Il-ħin kollu tara tfal u żgħażagħ iwaddbu l-ġebel lejn kull min jassoċjawh mal-Iżrael.”
Hija tkellmet dwar it-tfal u ż-żgħażagħ li jkun hemm iwaddbu l-ġebel, u qalet li dawn issibhom l-akbar fil-post fejn hemm il-qabar ta’ Rekela, li huwa post sagru għall-Palestinjani u ma jridu lil ħadd imissulhom. Imma fil-viċin hemm it-torri li jkun mgħammar mis-suldati Iżraeljani li malli jaraw l-iċken nitfa ta’ inkwiet jew xi gruppi ta’ nies akbar min-normal, jisparaw fuqhom balal tal-lastiku li għalkemm ma joqtlux, iweġġgħu ħafna.
L-inkwiet qed jolqot ħażin lit-turiżmu
Suor Marija kompliet li barra minnhekk, l-Iżrael mhux qed iħalli lill-Għarab Iżraeljani jmorru Betlem li hija art ikkontrollata mill-Awtorità Palestinjana. Min-naħa l-oħra, għal-Lhud il-Milied ma jfisser xejn u allura ma jersqux lejn Betlem.
Hija qaltilna li hija kienet marret fil-missjoni fl-1980 u qattgħet diversi snin il-Libanu, is-Sirja u l-Iżrael. Il-Galilija għaddiet għaxar snin sħaħ, u għamlet ħafna aktar snin Betlem. Bħalissa hija tinsab Malta, imma kuljum titkellem ma’ sħabha s-sorijiet tal-kongregazzjoni li jgħixu f’Betlem.
Hija kompliet li s-sitwazzjoni li hemm bħalissa f’Betlem hija waħda prekarja għaliex id-dħul finanzjarju ewlieni ta’ din il-belt huwa mit-turiżmu religjuż li bħalissa huwa kkontrollat bil-kbir mill-Iżrael. “Fil-fatt, malli s-suldati Iżraeljani jinnotaw passaporti jew Karti tal-Identità Iżrealjani, ma jħallux lill-individwi jidħlu Betlem.”
Suor Marija kompliet tgħid li għalihom, is-sitwazzjoni hija kumplikata għaliex huma jgħixu mill-fatt li hemm it-turiżmu reliġjuż li juża l-hostels li għandhom huma. Imma dan bħalissa huwa wieqaf kważi għalkollox.
Pellegrini ddeċiedew li ma jżurux Betlem
Dan l-aħħar grupp ta’ pellegrini Pollakki kienu ordnati li jbiddlu l-lukandi, minħabba li kienu jinsabu fl-istess triq fejn kien hemm wieħed mill-konfronti vjolenti li nqalgħu bejn ġellieda Palestinjani u l-militar Iżraeljan.
Fil-fatt, uffiċjali f’Betlem qed jistennew inqas pellegrini din is-sena kemm biex iżuru l-belt kif ukoll għall-quddiesa ta’ nofsillejl li tkun iċċelebrata fil-Knisja tan-Natività. Is-Sindku ta’ Betlem Anton Salman huwa konxju li t-turisti huma mħassba dwar is-sigurtà fil-belt. “Ħafna huma dawk it-turisti li kienu ġejjin Betlem biex jiċċelebraw il-Milied u jieħdu sehem fiċ-ċerimonji ta’ din is-sena u spiċċaw biex ħasru ż-żjara tagħhom minħabba li beżgħu li jiġu minħabba s-sitwazzjoni preżenti.”
//= $special ?>