Futbol Sport

Slaven Bilic jikkunsidra l-għażliet tiegħu

Slaven Bilic tkeċċa minn manager ta' West Ham fil-bidu ta' Novembru

L-eks manager ta’ West Ham Slaven Bilic qal li qed jikkunsidra l-għażliet tiegħu u ssuġġerixxa li jippreferi li jibqa’ fil-Premier League Ingliż. Bilic ilu bla klabb mill-bidu ta’ Novembru wara li tkeċċa minn manager tat-tim minn Londra.

Hu qed jissemma li jista’ jinħatar manager ta’ Swansea, kif ukoll mat-tim taċ-Championship Middlesbrough wara li lbieraħ neħħew lil Gary Monk. Bilic qal li ilu 12-il sena jikkowċja mingħajr waqfien u għalhekk irid ħin ta’ mistrieħ fil-mument filwaqt li jqatta’ l-ħin mal-familja u l-ħbieb.

Il-kowċ Kroat qal li hu kien l-Ingilterra bħala plejer u manager u saħaq li jixtieq jibqa’ fl-Ingilterra. Madankollu qal li jrid ikun proġett tajjeb, u jekk dan jasal minn pajjiż ieħor, jaċċetta l-offerta.

Bilic li kien kowċ tat-tim nazzjonali Kroat bejn l-2006 u l-2012 ikkonferma li ma għandux ħsieb li jirritorna jmexxi tim nazzjonali.