Lokali

Trakk ta’ kumpanija Maltija sekwestrat fl-Italja: kien qed jittrasporta mediċina llegali

Il-Pulizija fl-Italja ssekwestraw trakk Mercedes irreġistrat għand kumpanija Maltija wara li nstab li qalb il-ġugarelli tat-tfal kien hemm moħbija mediċina li kienet qed tiġi trasportata bil-kutrabandu.

Il-vettura twaqqfet fil-Port ta’ Brindisi, bix-xufier Bulgaru Ilian Stoyanov li ġie arrestat u qed jinżamm fil-ħabs ta’ Brindisi. Instab li fuq ġewwa kien hemm mediċina li tintuża biex iżżid il-prestazzjoni tal-atleti (doping) u wkoll biex tiżdied il-massa ta’ muskoli (steroids).

B’kollox ġew sekwestrati 400 flixkun żgħir u 1,200 pillola ta’ testosterone kif ukoll 50 flixkun żgħir ta’ Nandrolone. Hu maħsub li l-valur tal-mediċina tlaħħaq il-€5,000 waqt li t-trakk sekwestrat jiswa’ mal-€10,000 oħra.