Futbol Sport

Zidane jinsisti li mhux se jibdel wara t-telfa kontra Barcelona

Zinedine Zidane waqt il-logħba kontra Barcelona (Ritratt: EPA)

Il-kowċ ta’ Real Madrid Zinedine Zidane saħaq li mhux se jibdel minkejja t-telfa ta’ 3-0 li sofrew ilbieraħ kontra l-leaders Barcelona fil-La Liga. Luis Suarez, Lionel Messi u Aleix Vidal skorjaw il-gowls għat-tim Katalan, li fetħu vantaġġ ta’ 14-il punt fuq iċ-champions, li kellhom lil Dani Carvajal imkeċċi.

Zidane qal li jinsab fit-tmexxija biex jieħu d-deċiżjonijiet u sostna li kieku skorjaw fl-ewwel taqsima, l-affarijiet kienu jkunu differenti. Il-Franċiż assuma r-responsabbiltà iżda tenna li minkejja li ħafna jaħsbu li l-kampjonat hu magħluq, hu mhux tal-istess fehma.

Bħala kowċ ta’ Real Madrid, Zidane rebaħ darbtejn iċ-Champions League, bil-Madrileni jsiru l-ewwel klabb li jirbaħ iċ-Champions League darbtejn wara xulxin. L-istaġun li għadda rebaħ ukoll il-kampjonat f’anqas minn sentejn fit-tmexxija.