Lokali

FILMAT: Flok jieklu mal-familja, jieklu ma’ dawk li m’għandhomx ma’ min iqattgħu l-Milied

Bis-saħħa ta' 100 voluntier, l-ikla tal-Milied tal-Caritas tat ferħ u wens lil aktar minn 400 persuna li ma kienx se jkollhom ma' min jieklu fil-Milied

Il-Kurja tal-Arċisqof inbidlet f’restorant kbir imħejji apposta mill-voluntiera tal-Caritas li f’Jum il-Milied għażlu li flok iqattgħu l-ħin mal-familji tagħhom, jagħmlu l-ikla tal-Milied ma’ dawk li m’għandhom lil ħadd ma’ min iqattgħu dan iż-żmien ta’ festi.

F’Malta, hawn mijiet ta’ persuni li jgħixu fis-solitudni, għalhekk, kull sena, il-Caritas torganizza ikla tal-Milied apposta għal dawk li f’Jum il-Milied ma jkollhomx ma’ min imorru.

Kif jispjegalna Andrè Bonello, wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-ikla. “Dawn iħossuhom weħidhom. Kelli telefonata dwar nies li ilhom ma joħorġu għal dawn l-aħħar tliet xhur, erba’ xhur. Dawn in-nies iħossuhom weħidhom. Jiġifieri mhux sejrin jieklu f’restorant, però se jisservew l-ikel, jingħataw x’jieklu, jingħataw xi ħelu, imma fuq kollox se jiġu f’ambjent ta’ familja”, qalilna Andrè.

Għal din l-ikla marru kważi 400 persuna. Wieħed mill-kurituri tal-Knisja nbidel fi Kċina, u Mark Cassar, ukoll mill-Caritas, kien ilu jipprepara mill-5.30 ta’ filgħodu.

“Prattikament niftħu l-ikel, insaħħnuh, insajru, u naraw li kollox jimxi kif supost. Naraw ukoll kif ħa nitqassmu – għax apparti s-sezzjoni tal-kċina hemm ukoll is-sezzjoni tal-waiters. Apparti minn hekk, għandna voluntiera li xogħlhom jitkellmu biss man-nies – għax dawn huma nies li jiġu hawnekk biex jgħidu kelma ma’ xi ħadd,” qalilna Mark.

B’kollox, mal-mitt voluntier għamlu din l-ikla possibbli. Fosthom Anġlu Fenech, li ta’ 77 sena huwa l-iktar voluntier anzjan. “Ħafna minnhom, il-Milied għalihom huwa solitudni u aħna nġibuhom hawn biex inferrħuhom. Għandna iktar minn 400 mija – u sodisfazzjon kbir li qed tgħin lil min għandu bżonn”, qalilna Anġlu.

Kull min mar l-ikla, ntlaqa’ b’tazza ċikkulata sħuna. l-ikel kollu, fosthom ħobs, soppa, majjal bil-patata l-forn u deżerta, ingħata lil Caritas minn benefatturi.

Lil Katia Cortis, voluntiera ta’ 27 sena, staqsejniha jekk tħossx li tkun qed titlef meta flok l-ikla mal-familja tagħha, tmur ikla ma’ nies li ma tafx. “Meta kont żgħira, l-familja tiegħi tatni ħafna. Tatni ħafna valuri, tatni ħafna ferħ u nħoss li issa huwa ż-żmien li nagħti dan lura lil xi ħadd ieħor, jiġifieri ma nħossnix li qed nitlef. L-anqas xejn”, qaltilna Katia.

F’Malta, is-solitudni hija problema reali u din l-ikla tal-Cartias toffri ftit ferħ lil dawk li matul il-bqija tas-sena, ma jsibu faraġ u wens minn ħadd.