Lokali

FILMAT: “Għandna l-obbligu li f’dan iż-żmien naħsbu dwar l-aktar vulnerabbli” – Il-Kap tal-PN fil-messaġġ tal-Milied

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddedika l-ewwel messaġġ tal-Milied biex jitkellem dwar dawk li għalihom, il-Milied mhuwiex żmien ta’ ferħ.

Fil-messaġġ tal-Milied, u akkumpanjat mill-mara tiegħu Nickie Vella de Fremeaux, Adrian Delia qal li hemm ħafna li l-Milied ifakkarhom li ma jistgħux igawduh bħall-oħrajn minħabba xi tbatijiet jew problemi soċjali.

“Hemm ħafna li żmien il-Milied ifakkarhom li huma ma jistgħux, li huma m’għandhomx biex. Hemm ħafna li żmien il-Milied ifakkarhom f’dawk li tilfu, f’dawk li batew, f’dak li ma jistgħux ikomplu ma’ oħrajn. Il-faqar, il-faqar soċjali – dawk li anke fil-Milied m’għandhomx fejn imorru, m’għandhomx ma min jaqsmu din il-festa sabiħa, m’għandhomx x’jieklu, m’għandhomx x’jixorbu… aħseb u ara x’jixtru bħala rigali”, innota Adrian Delia.

“L-obbligu tagħna f’dan il-perjodu tas-sena, iktar minn qatt qabel huwa li mhux biss nifirħu ma’ tagħna, nifirħu mal-familja, nifirħu u nwasslu l-messaġġ ta’ paċi u ferħ, imma naħsbu f’dawk l-iktar vulnerabbli. Naħsbu f’dawk inqas ixxurtjati, f’dawk l-iktar fil-bżonn”, żied jgħid.

Anke l-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Nickie Vella de Fremeaux tkellmet dwar dak li m’għandhomx vuċi – u li l-anqas L-Istrina ma tista’ tgħinhom – fosthom dawk bi problemi mentali, in-nisa msawwtin, it-tfal abbużati u t-tfal minsija.

“Irridu naraw u niftakru.. l-Istrina mhux ħa tgħin dawn in-nies. Ħadd ma jista’ jgħin dawn in-nies. Il-Milied mhux se jgħin lil dawn in-nies. Aħna biss nistgħu nagħmlu differenza, u aħna biss nistgħu ngħinu lil dawn in-nies billi kuljum inkunu għajnejna miftuħin u disposti u lesti li ngħinu, ħalli almenu, il-Milied ma jiġix darba fis-sena. Il-Milied jiġi kuljum”, qalet Nickie Vella de Fremeaux.

Fl-awgurju tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sellem lil kulħadd, imma b’mod partikolari lil dawk inqas ixxurtjati.

“Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, mill-fqir sas-sinjur, minn dawk li għandhom u wisq iktar dawk li m’għandhom xejn”, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.