Kurżitajiet Lokali

FILMAT: Il-politika, is-sess u l-buffunaġni: Xi jdaħħaq lill-Maltin?

Studju ġdid ippubblikat fi ktieb minn Martin Morana jistudja l-umoriżmu Malti tul is-sekli

Iċ-ċajt politiku u dak marbut mas-sess huwa fost l-aktar li jdaħħaq lill-Maltin, skont studju ġdid ippubblikat fi ktieb mill-awtur Martin Morana.

Imma fuq kollox, hemm il-buffunaġni li jdaħħaq ħafna lill-Maltin, kif qalilna l-awtur tal-ktieb ‘Maltese Humour – but Seriously’.

“Il-Maltin idaħquhom ħafna tipi ta’ ċajt u umoriżmu. Naħseb l-iżjed ħaġa bażika huwa l-islapstick. Slapstick huwa l-buffunaġni… meta l-bniedem jagħmel ċertu mossi, bodylanguage tiegħu tkun tad-daħq, jilbes b’mod goff. U din narawha ankè fl-umoriżmu li naraw fuq il-palk. Ħafna drabi, l-komiċi tagħna meta jkunu fuq il-palk biex idaħħqu, biex jenfasizzaw aktar iċ-ċajt tagħhom, jilbsu b’mod stramb,” qalilna Martin.

Lejn l-aħħar tal-ktieb, hemm ftit ċajtiet. Iżda l-qofol tal-ktieb huwa dwar l-umoriżmu u dak li matul is-snin kien idaħħaq lill-Maltin.

Sa minn iż-żmien qabel Kristu għal żmien il-Kavallieri għall-ġurnata tal-lum, il-ktieb huwa studju estensiv fuq l-umoriżmu Malti.

“Il-ktieb, li jismu ‘Maltese Humour – But Seriously’, nista’ ngħid li nagħmel enfasi fuq il-kelma ‘seriously’. Mhuwiex serje ċajt. Il-ktieb, mhuwiex Maltese Humour – u allura ċajt Malti. Imma għamilt riċerka, riċerka estensiva mhux ħażin fuq l-umoriżmu Malti – dak tal-passat u dak tal-preżent,” spjegalna l-awtur.

Fl-uffiċju tiegħu, li qalilna li jħobb jirreferi għalih bħala ‘Il-Moħba’, Martin spjegalna d-differenza bejn l-umoriżmu u s-satira, għax b’kuntlarju għall-umoriżmu, is-satira għandha skop li tniggeż.

“L-umoriżmu joħroġ biex jagħmel ċerta ‘release’. Filfatt, anke Freud jgħid li l-umoriżmu huwa forma ta’ release mit-tensjoni personali, imma tista’ tkun anke tensjoni kollettiva,” qalilna l-awtur. “Hija xi ħaġa magħrufa li fi żmien meta jkun hemm ċertu tensjoni, periklu, din narawha anke fiż-żminijiet tal-lum, il-bniedem jipprova joħroġ xi ċajta, jew sitwazzjoni tad-daħq mis-serjetà,” żied jispjega.

Il-ktieb mhuwiex l-ewwel pubblikazzjoni ta’ Martin Morana, li fis-snin li għaddew ippubblika numru ta’ kotba oħra kollha b’laqta storika u lingwistika.