Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro wissiet li t-tnaqqis fir-rispett u s-solidarjetà lejn xulxin bħala poplu, jista’ jwassal għal tgerfix, sofferenza u kunflitt kif ġara x’pajjiżi oħra li tgerfxu minħabba l-firda. Il-President għamlet din it-twissija fil-messaġġ tagħha tal-Milied.
“Jien nibża’ li jekk bħala poplu ma jibqax jimpurtana minn xulxin, għax ma nagħtux rispett lil xulxin, jiġrilna bħal ħaddieħor. Fejn ir-rispett intilef għax kiber l-egoiżmu, popli sħaħ tgerfxu u sofrew, u qed isofru minn firda u kunflitti”, qalet il-President. “Għalhekk nixtieq nappella lil kulħadd f’pajjiżna, kif għadna fil-ħin, biex nagħmlu ħilitna fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin biex nassiguraw li l-konversazzjonijiet bejnietna, jibbażaw ruħhom fuq ir-rispett. Djalogu ta’ rispett jgħeleb il-firda u jgħaqqadna flimkien”, żiedet tgħid.
Il-President qalet li l-valuri tar-rispett u s-solidarjetà dejjem kienu valuri fundamentali, iżda dan l-aħħar hemm bżonn li nirriflettu fuq ftit mistoqsijiet. “Għaliex meta jkollna differenzi t’opinjonijiet mhux kulħadd kapaċi jitkellem b’rispett, iżda xi wħud fostna qed jagħżlu l-vjolenza verbali u mhux id-djalogu? Għaliex meta xi ħadd ma jkunx rispettuż fi kliemu xi wħud jaqgħu fin-nasba li jwieġbu b’mod diżrispettuż ukoll? Għaliex flok nużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni biex nikkomunikaw, nedukaw u ninfurmaw, hemm min fostna qed jippreferi jużahom biex jifred bit-tgħajjir u l-insulti? Għaliex hemm min fostna li jippreferi d-diviżjoni flok l-armonija?” staqsiet il-President.
Il-President appellat biex ikunu xi jkunu d-differenzi ta’ bejnietna, jeħtieġ li nkomplu nirrispettaw lil xulxin – irrispettivament mid-differenzi ta’ kultura, twemmin, etniċità, oriġini, orjentazzjoni sesswali jew orjentazzjoni politika.
“Dawn il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena m’għandhomx ikunu biss ċelebrazzjoni iżda għandhom ikunu stedina biex ninbidlu. Ejja niftakru li dan huwa żmien ukoll ta’ riflessjoni, dwar kif nistgħu nersqu aktar qrib xulxin u ningħaqdu aktar fil-familji tagħna, mal-ġirien tagħna, fil-komunitajiet fejn ngħixu – b’risqna stess u b’risq is-soċjetà Maltija inġenerali”, appellat il-President.
Fil-messaġġ tagħha, il-President awgurat ukoll li żmien il-Milied u l-ewwel tas-sena jkun opportunità biex nuru solidarjetà akbar ma’ dawk li huma mwarrba u bla vuċi fis-soċjetà tagħna.
//= $special ?>