Kurżitajiet Lokali

FILMAT: Ir-raġel li għandu 2,000 ġugarell – imma li wieħed minnhom mhu lest jarmih qatt

Iltqajna ma' Vince Brown fil-mużew tal-ġugarelli li għandu fi Triq ir-Repubblika. Hemmek għandu mal-elfejn ġugarell minn kull epoka u ta' kull għamla. Imma minn elfejn ġugarell, hemm wieħed li hu marbut ma' qalbu għal raġuni partikolari.

Vince Brown għandu 70 sena u għal dawn l-aħħar 35 sena ġemma’ mal-elfejn ġugarell differenti, f’delizzju partikolari li wassal biex illu, Vince jgħaddi l-ħin imexxi mużew tal-ġugarelli.

Fil-mużew, li jinsab f’kantuniera fi Triq ir-Repubblika ftit ‘l isfel mill-Palazz tal-President, Vince għandu mal-2,000 ġugarell. Imma minn dawn, hemm ġugarell partikolari li hu għal qalb Vince.

“Dan kien tahuli xi ħadd biex intih lit-tifel”, qalilna Vince waqt li uriena ġugarell żgħir li meta ddawwarlu ċ-ċavetta, jibda jdur u jimxi waħdu. “It-tifel kien żgħir u kont inħaddimulu fuq mejda u kien dejjem jipprova jaqbdu. Dan it-tifel illum mejjet, u allura baqa’ jfakkarni fih”, żied jgħid.

Alan, iben Vince, kien miet meta kellu 25 sena Il-ġugarell li darba kien jilgħab bih Alan, illum hu għal qalb Vince għax ifakkru f’ibnu. Tant, li qalilna li jkun lest ibigħ jew ineħħi l-ġugarelli kollha, ħlief dan. Qalilna li lanqas jekk xi ħadd joffrilu kemxa sew għalih ma jkun lest li jneħħiħ.

“Ikun qed jaħli l-ħin. Jista’ jgħid kemm irid u jiġi hawn kuljum… imma mill-ġugarelli kollha, jitlaq kollox ħlief dan!” insista Vince bil-ġugarell ta’ ibnu f’idu. “Għalija, dan it-tifel”, żied jgħid, għajnejh kbar u ħomor waqt li ftakar f’ibnu.
“Ġugarell iġiblek memorji sbieħ, imma xi kultant iġiblek memorji koroh ukoll,” żied jinnota.

Il-mużew tal-ġugarelli hu maqsum fuq tliet sulari – f’dar li fl-antik kienet tintuża bħala r-residenza tas-sefturi li kienu jseftru f’Palazz maġenb l-istess dar. Fil-mużew tal-ġugarelli ta’ Vince hemm ġugarelli ta’ kull xorta, għamla, daqs u minn kull epoka ta’ żmien.

Fis-sular ta’ fuq nett, Vince uriena l-eqdem ġugarell li għandu fil-kollezzjoni tiegħu, figurin tal-injam maħdum fl-1883 li mad-daqqa t’għajn jixbaħ ħafna lill-karattru ta’ Pinokkjo. Is-saqajn u l-idejn huma mqabbdin mal-bqija tal-figurin b’wire biex b’hekk jista’ jitpoġġa f’pożizzjonijiet differenti.

Dan il-ġugarell, antik aktar minn 130 sena, inzerta wkoll wieħed mill-favoriti ta’ Vince, u ma setax jonqos li nistaqsuh kif hemm ġugarelli li huma aktar għal qalbu minn oħrajn.

“Dan, pereżempju, qiegħed għal qalbi mhux għax għandu ż-żmien, imma għax għandu karattru”, qalilna. “Hemm ġugarelli li m’għandix grazzja magħhom, tafx! Imma xorta nżidhom mal-kollezzjoni”, żied jgħid.

Vince spjegalna li matul is-snin xtara ġugarelli bil-lottijiet biex illum għandu kollezzjoni varjata mmens. Uriena ġugarell maħdum fl-1912 li jikkonsisti f’żewġ figurini żgħar tal-landa – mara u kelb – li malli ddawwar iċ-ċavetta, jibdew jiċċaqilqu – il-kelb jogħla fuq saqajh u l-mara ttawwal idha biex titimgħu. Ġugarell ieħor forma ta’ gorilla liebsa l-ħwejjeġ fil-verità mhu xejn għajr karus li malli tpoġġilu l-muniti fuq idu u tagħfas buttuna fuq wara, idu tintrefa’ lejn ħalqu u l-munita tisparixxi fil-karus ta’ ġewwa.

Vince qalilna li meta kien żgħir kellu ħafna inqas ġugarelli minn kemm għandu llum il-ġurnata, l-aktar peress li għeluq sninu jaħbat f’jum il-Milied. U allura, flok żewġ rigali kien jaqla’ wieħed biss. “Kienu jtuni rigal wieħed u jgħiduli ‘Happy Birthday’ u ‘Happy Christmas’… u kont nibqa’ b’hekk!” qalilna bi tbissima.

Fuq kollox, ħafna nies li jżuru l-mużew tal-ġugarelli jerġgħu jitqanqlu b’sentimenti nostalġiċi. Meta kien qed jurina ġugarelli iktar qodma minn oħrajn, Vince irrakkuntalna storja ta’ wieħed raġel “qisu ġgant” li malli ra ġugarell partikolari, qabżitlu demgħa. Aktar tard irriżulta li dak il-ġugarell kien l-istess bħal wieħed li ommu kienet ħaditlu meta darba kien ma jiflaħx.

“Ħafna mill-ġugarelli jnisslu ċertu sens ta’ nostalġija, speċjalment meta llum qed ngħixu fi żmien il-buttuni,” temm jgħidilna Vince, b’referenza għat-teknoloġija li biddlet kompletament il-ġugarelli u l-mod kif nilgħabu.

Filfatt, Vince Brown esprima dieqa li llum, li qed ngħixu “fi żmien il-buttuni”, is-sempliċità tal-ġugarelli antiki qed tiġi apprezzata ferm anqas minn qatt qabel.