Li ma jkunx għall-appoġġ u s-sosten tal-pubbliku, iċ-ċkejkna Shezia ma tkunx tista’ tiġġieled il-marda tal-kanċer li ta’ sentejn u nofs żviluppalha f’għajnejha. NET News iltaqa’ maċ-ċkejkna Shezia, li llum għandha ħames snin, u ma’ ommha Marika, li spjegatilna li ta’ sentejn u nofs indunat li kellha kanċer f’għajnejha meta bdiet tinnota tikka bajda f’għajnejha x-xellugija. Wara li għamlet iċ-check-ups neċesserji, qalulha li binta kellha tumur kbir f’għajnejha, u kien għalhekk li kellha bżonn tibda titla’ Londra.
Kemm f’Londra kif ukoll f’Malta, lil Shezia tawha l-kimoterapija. “Kull darba li nitilgħu kienet tgħidli ‘Telaq id-dudu, mummy? Anke meta kienet torqod għal-loppju, kienet tqum u tistaqsini jekk telaqx biċċa mid-dudu,’ qaltilna omm iċ-ċkejkna, li esprimiet it-toqol tal-fatt li bintha kellha tgħaddi minn dan kollu.
“Mhux faċli tara lit-tifla tiegħek tbati u tieħu l-kimoterapija. Nibda ngħid li aħjar ġara hekk lili, għax it-tifla kienet għadha żgħira wisq biex tgħaddi minn dan kollu,” qaltilna ommha.
Sal-lum, Shezia u ommha kellhom jitilgħu Londra 44 darba. Peress li għad hemm iċ-ċans li l-kanċer jerġa’ joħroġ, Shezia u ommha jridu jibqgħu jitilgħu l-Ingilterra. “Għandi disa’ snin sejra hekk. Kull dabra li nitla’ dejjem inkun b’qalbi intertqa li t-tobba jgħiduli li l-kanċer reġa’ tfaċċa”, żiedet tgħid. “U biex iżżid, ġieli nitla’ u t-tobba jordnawli biex nibqa’ hemm, jew inkella biex nerġa’ nitla’ xi ġimgħa wara”.
Omm Shezia rrakkuntatilna kemm bintha kellha qalbha sewda meta kien waqgħalha xagħra. “Niftakar meta kienet tara lil xi ħadd b’xagħru twil, jew inkella immorru quddiem xi vetrina u jkun hemm il-parrokki. Kienet tħares lejhom u kienet tgħidli biex inġibielha. Inkella kienet toqgħod tiġri bil-malju ta’ ‘Frozen’, jew bil-lożor ma’ rasha,” qaltilna omm iċ-ċkejkna.
Imma daqstant ieħor Shezia kienet eċitata meta xagħrha beda jerġa’ jitla’. “Kif waqqafna l-kimoterapija u xagħrha reġa’ beda jikber, kienet toqgħod tmur kuljum quddiem il-mera u tgħidli: “Ara ma, telgħatli naqr’oħra!” irrakkuntat ommha.
L-aħbar kienet waslet meta omm Shezia kienet tqila, u Marika rrakkuntatilna kif dakinhar kienet staqsiet lil Bambin għaliex se jtiha tarbija imma joħdilha li kellha. “Dak iż-żmien hekk fhimta”, qaltilna waqt li żiedet kif minkejja l-kanċer hu kkontrollat, il-futur xorta waħda għadu wieħed imċajpar.
“Ħa ngħidlek, id-darba li tlajt u għidt ‘it-tifla mfejqa, m’hemm xejn’, it-tobba qaluli li aktarx, il-kanċer kien reġa’ nfirex. Allura d-darba li qed nitla’ Londra qed nispiċċa b’qalbi mkissra. Ħalli jgħidli ‘għadu stabbli’ u nkunu ferħana wara. Imma ma nistax nitla’ u ngħid li t-tifla mfejqa,” qaltilna ommha.
Hi spjega kif għal din ir-raġuni, Shezia għad għandha bżonn l-għajnuna tan-nies fl-Istrina. Biex tkun tista’ tkompli tfieq. “Mingħajr l-Istrina, m’aħna xejn”, qaltilna omm iċ-ċkejkna. “Kieku kif ħa ttella’ lit-tifla daż-żmien kollu? Kif ħa tiekol hemm fuq? Fejn se torqod?” staqsiet l-omm.
“L-appell tiegħi huwa li bħal ma ġara lit-tifla tiegħi jista’ jiġri lil kulħadd, għax jien qas qatt ma ħlomtha dil-ħaġa. Li ssib lilhom jgħinuk, jiftħulek il-bieb u jgħidulek ‘għandek l-għajnuna’ fuq dak il-piż kollu li tkun qed iġġorr, jagħmlulek il-ħajja iktar faċli,” temmet tgħid Marika.
//= $special ?>