Lokali

Jinqabdu 150 kilo kannabis lejlet il-Milied; raġel mill-Imsida arrestat

Lejla il-Milied inqabdu aktar minn 150 kilo kannabis f’vann li kien għadu kif wasal Malta minn Pozzallo.

Jirriżulta li għall-ħabta tas-6:15p.m. il-vann niżel mill-katamaran u twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana. Il-vann, li kien tal-kiri, kien misjuq minn Malti ta’ 42 sena mill-Imsida.

Meta twaqqaf, l-uffiċjali tad-Dwana talbuh jekk għandux x’jiddikkjara, bir-raġel jgħid li fil-vann kellu biss ftit fliexken tax-xorb u ġugarelli għat-tfal tiegħu.

Kien hawn li l-uffiċjali kellhom suspett fis-sewwieq minħabba li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż u saret tfittxija fil-vann fejn kien hemm ammont kbir ta’ plastik u imgeżwrin fihom kien hemm dak li deher li kienet droga kannabis.

Kien hawn li l-uffiċjali tad-Dwana talbu l-assistenza tar-Rapid Intervention Unit u l-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga.

B’kollox instabu għaxar pakketti tad-droga kannabis b’150 kilo, kif ukoll fil-vann instabet pistola awtomatika li kienet ikkargata bi tmien ballal fiha, kif ukoll madwar €36,210 fi flus kontanti.

Ir-raġel kien arrestat u ttieħed d-Depot għal aktar interrogazzjonijiet.

Sadanittant, Sirjan ta’ 31 sena li niżel ukoll minn fuq l-istess katamaran instab li kellu 48 kilo tabakk tax-shisha li ma kienx iddikkjara.