Milied li kien ifisser xokk għal tifla ta’ 6 snin li fil-lejl tal-Milied spiċċat iddur waħidha fit-toroq taż-Żejtun.
Jirriżulta li t-tifla għall-ħabta tal-4a.m. ta’ Jum il-Milied instabet mill-Pulizija iddur it-toroq taż-Żejtun waħidha. Dak il-ħin kienet kesħa kbira u t-tifla f’idejha kellha ġugarell.
Il-Pulizija mmedjatament ġabru t-tifla mit-toroq u ħaduha l-għassa taż-Żejtun, kien hawn li għamlu kuntatt mal-ġenituri, li jidher li għaddejin minn kawża ta’ separazzjoni.
Allegatament ftit qabel instabet it-tifla kienet rieqda f’karozza waqt li missierha kien allegatament f’ħanut tax-xorb fil-qrib. Jidher li t-tifla stenbħet mal-lejl u kif ma ratx lil missierha, ħarġet mill-karozza tfittxu. Wara li l-Pulizija għamlet kuntatt mal-missier u għamlitlu xi mistoqsijiet, huma għaddewlu t-tifla mill-ġdid.
Waqt li l-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ, kienet infurmata wkoll bil-każ l-Aġenzija Appoġġ.
//= $special ?>