Matthew Mamo jiltaqa’ ma’ raġel maħkum mid-dipressjoni, sforz l-abbandun minn uliedu li għalihom tant ta ħin u dedikazzjoni, iżda li malli kibru ħallewh waħdu. Raġel imkisser u beżgħan li l-mewt qed toqrob dejjem iżjed iżda hu se jmut bla dinjità, waħdu, minsi mid-dinja.
Iż-żmien tal-Milied u s-sena l-ġdida hu perjodu ta’ ferħ u ċelebrazzjoni. Hu l-mument meta ħafna familji jingħaqdu flimkien għal xi festin jew ikla, iż-żmien meta dawk li jaħdmu jieħdu l-leave li jkun fadlilhom biex iqattgħu kemm jista’ jkun ħin ma’ qrabathom. Żmien fejn min ikollu xi ħaġa mġemmgħa tarah sejjer lejn il-Belt jew Tas-Sliema biex jonfoqha fuq ir-rigali.
Iżda dan iż-żmien mhux għal kulħadd hu żmien ta’ ferħ. Qalb il-folol ta’ nies kuntenti, hemm raġel li t-tbissima tiegħu hi waħda falza, intiża biss li taħbi l-weġgħat kontinwi tiegħu.
Iltqajt ma’ Ċensu, isem fittizju għaliex beżgħan minn dak li jistgħu jgħidu minn wara dahru dawk li jiltaqa’ magħhom. Iltqajt ma’ raġel li fil-ftit li joħroġ mill-appartament tiegħu jidher kuntent iżda li qed jaħbi piż ferm ikbar minnu. Raġel wieħed li hu riflessjoni ta’ soċjetà marida, ta’ ħafna iżjed nies minsija minn dawk l-eqreb tagħhom, dawk li għalihom tant taw matul ħajjithom iżda li llum abbandunawhom.
Kont ippreparat biex nikteb dwar storja ta’ solitudni, iżda qatt ma stennejt dak li ltqajt miegħu. Minn barra, l-appartament tiegħu jidher wieħed normali. Malli rani mill-ewwel ħareġ idu biex jilqani u flimkien tlajna fl-appartament tiegħu.
Fuq ġewwa, l-ewwel ħaġa li tinnota hu l-imbarazz ma’ kullimkien. “Hawn mhux nilqagħkom f’dari. Daħħaltkom f’qalbi,” kienet l-ewwel ħaġa li qalli malli poġġejna bilqegħda fuq żewġ pultruni, aktarx l-uniċi oġġetti li ma kinux miksija minn imbarazz ta’ kull tip u daqs mixħuta ma’ kullimkien għal żmien twil.
“Ħdax-il sena ilu ħajti nqalbet ta’ taħt fuq,” spjegali Ċensu, li ddeskrivieli kif qabel kien imlaħħaq mal-Gvern, b’iktar minn 180 persuna taħtu. Kellu familja li kien iħobb. Mara u żewġt itfal li minkejja l-problemi ta’ kuljum kienu jgħadduha tajjeb u ma kien jonqoshom xejn. Żgur mhux il-flus, għax kien jaqlagħha tajjeb.
Iżda ġurnata fost l-oħrajn inbidel kollox. Induna li martu qed taqlibielu u bdew proċess diffiċli ta’ separazzjoni. Separazzjoni li kissritu mentalment. Il-Qorti tatu l-kustodja ta’ wliedu, it-tnejn minorenni. Deċiżjoni li tikkonferma li s-social workers raw fih il-persuna ideali biex irabbi lil uliedu. “Min kellu jgħidli li din id-deċiżjoni kellha titfani fl-infern. Imma kif qatt tista’ tobsor?” staqsieni b’għajnejh miksura.
Iddeskrivieli li għamel minn kollox biex uliedu jibqgħu jieħdu l-edukazzjoni u l-valuri li għaddietlu l-għażiża ommu. “Kont nidħol għax-xogħol tard biex inwassalhom l-iskola. Ma ridtx li sħabhom ikunu akkumpanjati minn ommhom jew missierhom, u tiegħi jmorru waħidhom.” Waranofsinhar kien jiskarta mix-xogħol biex imur mill-ġdid għal uliedu u jiħodhom għand ommu. “Ommi rabbietni tajjeb. Jien iktar ġewwa milli barra. Anke meta noħroġ, drajt li sa ċertu ħin irrid inkun lura d-dar. Hekk rabbietni.”
Iżda minkejja dak kollu li għamel, il-problemi baqgħu jikbru sakemm ma felaħx iżjed. Uliedu, żewġ bniet li llum daħlu fl-għoxrinijiet, telqu mid-dar u ma rahomx iżjed. Saħħtu wkoll bdiet tmur lura u beda jsofri minn problemi f’qalbu. Hawn qam, daħal f’uffiċċju li kien warajna u ħareġ lura b’kaxxa kbira mimlija pilloli. “Minn dawn irrid nieħu ta’ kuljum. Li kieku kien ħaddieħor li jieħu dawn il-pilloli kollha, kieku lanqas jiċċaqlaq mis-sodda.”
Iżda hu differenti. Quddiemi kelli raġel li minkejja l-problemi kollha ta’ saħħtu, u minkejja li llum qabeż is-sittin sena, deher f’saħħtu. Iżda dlonk indunajt li quddiemi pjuttost kelli bħal oġġett tal-ħġieġ. Sabiħ minn barra iżda fraġli. Ħarstu bħal ta’ wieħed mitluf fil-ħsieb. Fi kliemu stess, bniedem sensittiv ħafna li mat-traġedja tat-tkissir ta’ familtu kkrolla.
“Nitlalek it-taraġ kemm trid u mingħajr problemi. Iżda Alla ħares nibda nibki għax ħadd u xejn ma jwaqqafni,” qalli fost ħafna pawżi li matulhom stajt ninnota li kien qed iżomm id-dmugħ. Meta jieqaf jitkellem hu, fl-appartament jaqa’ skiet perfett. Iktar kmieni kien wegħdni li se jagħmel minn kollox biex ma jibkix, għax jifhem li “bħala ġurnalist ikollok ħafna x’tagħmel u ma rridx inżommok wisq.”
Spjegali kif, bejn għax kien imdorri ħinijiet twal għax-xogħol u kien imur lura d-dar isib kollox lest, u bejn minħabba l-problemi psikoloġiċi tiegħu, nesa’ kif jagħmel kollox. Saħansitra lanqas għadu jaf jaħsel ħwejġu stess jew isajjar. “Ma fadalli moral nagħmel xejn. Kien hemm żmien fejn ħwejġi wara li kienu jdumu fuqi, kont naqfilhom f’borża u mmur nixtri oħrajn. Meta l-flus bdew jonqsuli, spiċċajt immur għand laundry qrib tiegħi nitlobhom biex iżommuli l-inqas li jistgħu,” spjegali b’għajnejh mitlufa.
Saħansitra anke għall-ikel, imur jixtri kollox, mgħejun mill-fatt li ħadem għal snin twal f’pożizzjoni maniġerjali u li kien l-uniku li wiret meta sfortunatament ommu u missieru ġew nieqsa. Iżda jekk qatt kien hemm dubji li l-flus mhux kollox, Ċensju hu l-eżempju ħaj ta’ dan.
Il-mistoqsija ġietni waħidha. Allura kif ħadd ma jinduna minn dak li għaddej dan il-proxxmu? “Jien bniedem pożittiv li nipprova ma ndejjaqx lil ħaddieħor bl-affarijiet tiegħi. Meta noħroġ hemm barra jien pjuttost ċajtier. Meta mmur nieħu xi kafe u tiġi xi tfajla timsaħ il-mejda quddiemi, nitlobha timsaħli wkoll il-qargħa. Imma meta nidħol mill-bieb ta’ barra u ma nsib lil ħadd ma’ min nitkellem u ma nsib lil ħadd min ikellimni, titkisser hux.”
Iddur madwarna kien hemm qattusa. Kurjuża xxammem l-apparat li kelli miegħi u tipprova tifhem kif għal darba f’dan l-appartament rat wiċċ mhux familjari. Jgħidli li mnalla tkun hi biex tikkonsla ftit. Meta jidħol fl-appartament, tintelaq mal-art titmatar u tistiednu biex jilgħab magħha.
U fid-dawl ta’ dawn il-jiem ta’ festi, fuq ġewwa tal-appartament laqatni li m’hemm l-ebda spirtu tal-Milied. Rani nitfa’ ħarsti fuq presepju. L-unika ħaġa li f’dan l-appartament forsi tfakkrek li ġej il-Milied. Innota dan u mill-ewwel qalli: “Dak ilu hemm, fl-istess post, għal sitt snin minn meta ddeċidejt li nixtrieh. Fejn poġġejtu, baqa’.”
“Il-Milied hu festa tal-familja. Dawn il-festi jiġu biss biex jaqsmuli qalbi. Iktar inħossni mnikket u jiftħuli l-ġerħa li jien għandi,” spjegali. “Li ninsab waħdi, abbandunat u ħadd ma jiġi jarani, psikoloġikament ninsab imkisser. Immur fejn immur u nara lin-nies kuntenti jew lit-tfal iċapċpu u jien noħroġ ‘il barra minn fejn inkun għax naqbad nibki. U issa jien se noqgħod nibki waħdi quddiem in-nies?”
Hawn mill-ġdid kellimni dwar il-mewt. “Ma niddejjaq xejn jekk inkun se mmut. Jien marid u anzjan fuq kollox. Imma rrid immut mewta dinjituża, bit-tfal maġenbi u mhux waħdi. Meta mietet ommi kellha lili, inkellimha u nagħmillha kuraġġ.”
Wara iktar minn siegħa nisimgħu jirrakkonta dak li għadda minnu, jien ukoll inżomm id-dmugħ u b’qalbi maqsuma, il-ħin biex nirritorna għax-xogħol kien qed jagħfas. Xtaqt nibqa’ imma ma kellix wisq għażla. Hekk kif rani nqum kien pront qalli: “Taf kemm ili ma nirċievi tgħannieqa jew bewsa ta’ xi ħadd li verament jinteressah minni?” Kliem li se jibqa’ ttimbrat f’moħħi.
Aħna u neżlin it-taraġ biex nerħulha lura lejn ix-xogħol, stajt inħoss għajnejh isegwuna. Qabel dorna l-aħħar kisra tat-taraġ, ħarist ‘il fuq u rajtu jħares fil-vojt, iżomm id-dmugħ. Min jaf meta dan l-appartament jerġa’ jara lil xi ħaddieħor minbarra Ċensu u l-qattusa tiegħu.
//= $special ?>