Alfred Camilleri, ta’ 42 sena mill-Imsida, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bl-importazzjoni ta’ 150 kilogramma ħaxixa tal-kannabis lejliet il-Milied.
Ir-raġel, li hu xufier tat-taxi, ġie arrestat malli niżel minn fuq il-Katamaran hekk kif waqt tfittxija fil-vann tiegħu nstab li kien qed iġorr id-droga moħbija qalb kaxex bil-ġugarelli tat-tfal, kif ukoll 10 balal, arma tan-nar u €36,000 fi flus kontanti.
Fil-Qorti ħareġ li meta twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana, hu pprova jaħrab iżda nżamm mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
Camilleri wieġeb mhux ħati b’assoċjazzjoni li jbiegħ u jittraffika d-droga, pussess illegali ta’ arma tan-nar, ħasil tal-flus kif ukoll pussess jew trasferiment ta’ propjetà li nkisbet minn attività llegali.
Filwaqt li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest, id-difiża talbet eżami mediku tal-akkużat minħabba li “qed isofri minn kundizzjonijiet mediċi severi u uġigħ f’sidru.” Jirriżulta li hu ibati mid-dijabete u pressjoni għolja tant li wara l-arrest spiċċa l-isptar b’attakk tal-qalb.
L-Ispettur Malcolm Bondin qal li l-akkużat għandu infezzjoni f’sidru li għaliha qed jingħata trattament. Fid-dawl ta’ dan qal li m’hemm xejn milli jżommu li jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Ingħatat ordni biex ikun eżaminat u jittieħed l-isptar meta jkollu bżonn il-kura.
Ħarġet ukoll ordni biex l-assi tal-imputat ikunu ffriżati għalkemm intlaqgħet it-talba tal-familja għal madwar €13,000 f’salarju kull sena biex familtu tkun tista’ tgħix.
//= $special ?>