Internazzjonali

Il-Peru: Rabja popolari dwar il-maħfra lil Fujimori

 

Folol kbar ta’ nies irrabjati kkonfrontaw lill-pulizija f’Lima, b’talaħħar jisparaw il-gass tad-dmugħ f’impenn biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Dan wara li l-awtoritajiet iddeċidew li jagħtu maħfra lill-eks President tal-Peru, Alberto Fujimori, li kien qed jiskonta 25 sena ħabs għall-korruzzjoni u abbużi tad-drittijiet umani.

Dan kien it-tieni jum ta’ dimostrazzjonijiet fil-kapitali, bil-folol jgħajjtu ‘le għall-maħfra u l-korruzzjoni’ wara li l-President attwali tal-Peru, Pedro Pablo Kuczynski, iddeċieda li jaħfer lil Fujimori fuq bażi li l-eks President qed ibati minn problemi tas-saħħa.

Kuczynski qal li jirrikonoxxi r-rabja tal-poplu, iżda tenna li ‘hu ma jistax jippermetti li Alberto Fujimori jmut fil-ħabs’. Fujimori, proprju l-ġimgħa l-oħra, kien spiċċa trasferit mill-ħabs lejn l-isptar minħabba li kien qed ibati minn pressjoni baxxa u taħbita tal-qalb irregolari.

Sadanittant, il-President Kuczynski ċaħad li qed jagħti maħfra lil Fujimori bħala parti minn ‘ftehim politiku’ biex Kuczynski jevita l-impeachment għal allegat ħlas illegali li sar lilu mingħand il-kumpannija għall-kostruzzjoni Brażiljana, Odebrecht.

Fl-istess ħin, żewġ membri tal-Partit ta’ Kuczynski rriżenjaw mill-Kungress tal-Peru bi protesta għall-maħfra lil Fujimori, li mexxa lill-pajjiż mill-1999 sal-2000.

Alberto Fujimori għadu sallum ammirat minn sezzjonijiet tal-poplu talli dam żmien jikkumbatti lir-ribelli Maoisti fil-Peru. Madankollu, hemm ukoll il-kritiċi li jqisuh bħala dittatur korrott.

Il-Partit Forza Popolari tal-Peru ( konservattiv) li qed tmexxi Keiko Fujimori, it-tifla tal-eks President, jikkontrolla l-Kungress ta’ Lima u, ftit jiem ilu, kien ipprova jwassal għall-impeachment ta’ Kuczynski dwar skandlu tal-korruzzjoni.

Madankollu ħuha, Kenji Fujimori ‘qasam’ il-vot tal-Forza Popolari, b’dan jippermetti biex Kuczynski jkompli bħala President tal-Peru u fost spekulazzjoni ‘li dan seta jsir bi skambju mal-ħelsien mill-ħabs ta’ Alberto Fujimori’.

Fl-2007, Alberto Fujimori kien ikkundannat għal sitt snin ħabs dwar tixħim u abbuż ta’ poter. Iżda hu, sentejn wara, weħel 25 sena oħra ħabs għal abbużi tad-drittijiet umani li saru waqt li hu kien fil-poter.