Maltempata tropikali li kienet qed thedded l-inħawi lejn in-nofsinar tal-Vjetnam dehret li tilfet mis-saħħa, fost stennija li ‘tisfuma’ fi żmien 48 siegħa. Dan wara li l-istess maltempata kienet qatlet mal-240 persuna hi u għaddejja mill-Filippini.
Iċ-ċentru meteoroloġiku qal, skont l-aħħar rapporti, li l-Maltempata ‘Tembin’, li tellgħet irwiefen b’veloċità ta’ kważi 100 kilometru fis-siegħa, kienet qed tavviċina l-belt ta’ Ho Chi Minh hi u tavvanza lejn il-Punent’. Dan meta kważi miljun persuna, qabel, kienu avżati biex iħejju għall-evakwazzjoni, b’xi 70,000 ruħ jispiċċaw ittrasferiti miz-zoni l-baxxi tal-pajjiż.
Sadanittant, rapporti mill-Filippini qalu li l-iskwadri għas-salvataġġ f’dak il-pajjiż kienu għadhom qed ifittxu għal aktar minn 100 persuna li ma dehrux aktar fost l-eqqel tal-maltempata. L-elementi minn ‘Tembin’ spiċċaw jeqirdu numru ta’ toroq u pontijiet fuq il-gżira Filippina ta’ Mindanao, b’mijiet ta’ djar fil-Filippini jmisshom l-istess destin.
Fl-istess ħin, il-Gvern tal-Vjetnam ħareġ twissija biex għexieren ta’ eluf ta’ dgħajjes tas-sajd ma joħorġux fuq il-baħar.
//= $special ?>


