Raġel li kien jagħmilha ta’ investigatur privat u saħansitra ħaddem oħrajn biex jagħmlu dan ix-xogħol minkejja li ma kellux liċenzja, ingħata sentenza sospiża ta’ ħabs.
Kien Vincent Oliver Abela stess li wassal biex bdiet investigazzjoni fuqu wara li mar jirrapporta lill-Pulizija li raġel li kien qed isegwi għal ġimgħatejn sħaħ f’daqqa waħda mar ifittxu d-dar.
Fil-każ kontrih, Abela nstab li kien imexxi l-kumpanija O Abela International Investigators u ammetta li ħadem għal 25 sena bħala investigatur privat minkejja li ma kellux liċenzja mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-każ imur lura għall-2006 meta tqabbad minn mara biex isegwi lil żewġha, frott il-biża’ li qed jara mara oħra. Wara li segwieh, kien preżentat rapport li ġie aċċettat mill-Qorti tal-Familja waqt proċeduri ta’ każ ta’ separazzjoni.
Kien meta dan ir-rapport ġie ppreżentat fil-Qorti li r-raġel skopra li qed jiġi segwit minn investigatur privat u hawn mar għandu biex jagħmillu xi mistoqsijiet. Fid-dawl ta’ dan, Abela talab li l-Pulizija jwissuh biex ma javviċinahx iżjed.
Minflok, kien Abela li spiċċa nvestigat dwar kif kien qed jaħdem f’dan ix-xogħol mingħajr liċenzja. Fid-difiża tiegħu hu qal li ma kien hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirregola lill-investigaturi privati, xi ħaġa li madankollu teżisti fl-Att tal-Gwardjani Lokali u Privati.
Fid-dawl ta’ dan hu nstab ħati li ħadem mingħajr liċenzja iżda mhux li ta fastidju lir-raġel li segwa, għaliex ma kkawżalux biża’ jew anzjetà tant li sar jaf li qed ikun segwit biss meta r-rapport ġie ppreżentat.
Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia nnutat li Abela kellu 15-il reat ieħor preċedenti fosthom ksur tar-regolamenti tat-traffiku, theddid u offiżi lil żewġ uffiċjali tal-Pulizija, ta fastidju u wkoll instab ħati f’każ ieħor li ħadem mingħajr liċenzja.
Fid-dawl ta’ dan, minbarra sentenza sospiża ta’ xahren priġunerija, ingħata wkoll multa ta’ €2,400.
//= $special ?>

