Internazzjonali

Ir-Renju Unit isegwi l-movimenti ta’ bastiment Russu

 

Kelliema għar-Royal Navy żvelaw li frejgata tal-qawwiet tal-baħar Britanniċi, f’Jum il-Milied, spiċċat issegwi bastiment tal-gwerra tar-Russja li għadda mill-Baħar tat-Tramuntana viċin ir-Renju Unit.

Il-frejgata – l-HMS St Albans —  segwiet l-attività tal-bastiment ‘Admiral Gorshkov’ qalb iz-zoni tal-baħar ta’ interess nazzjonali.

Il-bastiment Russu inkwistjoni – frejgata li ġġorr il-missili gwidati b’sistemi ta’ preċiżjoni – hu rappurtat li għadu għaddej minn żmien ta’ prova.

Intant, il-movimenti tal-‘Admiral Gorshkov’ qanqlu t-tħassib meta r-Renju Unit qed iwissi dwar it-theddida ġdida mir-Russja għall-cables tal-Internet taħt il-baħar.

L-HMS St Albans kellu d-direttiva speċifika ‘biex isegwi l-movimenti tal-bastiment Russu partikulari waqt li kien għaddej viċin l-ibħra territorjali tar-Renju Unit’. Il-bastiment Britanniku, imbagħad, kien mistenni jirritorna fil-bażi ta’ Portsmouth.

Is-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Gavin Williamson, qal li hu mhux se jaħsibha darbtejn biex jiddefendi l-ibħra tar-Renju Unit ‘u lanqas mhu se jittollera xi forma ta’ aggressjoni’. Hu kompla li r-Renju Unit qatt mhu se jkun intimidat f’sitwazzjonijiet fejn tinħtieġ il-protezzjoni għall-poplu u l-interessi Britanniċi.