Internazzjonali

Ir-Russja: Mhux se jċedi l-kandidat ‘anti-Putin’

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny, beħsiebu jmexxi l-protesti madwar ir-Russja wara li hu spiċċa projbit formalment milli jisfida lill-President Vladimir Putin fl-elezzjoni ta’ Marzu għall-Presidenza tar-Russja. Navalny anki qed iħeġġeġ lis-sostenituri tiegħu biex jibbojkottjaw il-vot Presidenzjali li jmiss.

Il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali qalet li Navalny hu ineliġibbli biex jikkuntesta l-elezzjoni minħabba li hu kien spiċċa kundannat dwar il-korruzzjoni. Intant, Navalny qed jgħid li l-kundanna partikulari kienet motivata minn aġenda politika.

Navalny, li għandu 41 sena, hu kunsidrat l-uniku politiku li jista’ joffri sfida denja lil Putin. Hu qal, issa, ‘li, flimkien mas-sostenituri, qiegħed jiddikjara strajk mill-votanti’.

Alexei Navalny hu magħruf sew għall-kampanji li mexxa kontra l-korruzzjoni u l-protesti kontra l-President Putin. Hu, din is-sena, kien ingħata sentenza sospiża ta’ ħames snin ħabs wara li kien ipproċessast fuq akkużi ta’ frodi.

Il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali f’Moska qalet, intant, li hi ‘sempliċiment’ qed tapplika l-liġi li tiskwalifika lil Navalny.

Tnax fost it-tlettax il-membru tal-Kummissjoni kienu ċaħdu l-applikazzjoni ta’ Navalny bħala kandidat għall-Presidenza tar-Russja, bl-avversarju ta’ Putin illum qed jinsisti li ‘dan il-każ kien intenzjonat biex iwaqqfuh milli jitkellem il-verità dwar is-sitwazzjoni fir-Russja’. Skont Alexei Navalny, ‘il-projbizzjoni tiegħu bħala kandidat se tiċħad lil miljuni ta’ Russi mid-dritt tal-vot’.