Il-Grupp tal-Armar tal-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar tul dawn l-aħħar 6 ġimgħat ħejjiet kors ta’ tagħlim tas-sengħa tal-presepju lill-15-il persuna. Il-qofol ta’ dan il-kors laħaq mal-bidu tan-novena tal-Milied hekk kif dawn il-15-il parteċipant tellgħu wirja ta’ presepji fil-Maħżen tal-Armar tal-Parroċċa Żabbarija.
In-Nazzjon iltaqa’ ma’ Reuben Pullicino, Teżorier tal-Grupp tal-Armar, li spjega magħna x’kien jikkonsisti l-kors:
“Il-kors ikun miftuħ għal kulħadd u ssir sejħa mill-Arċipriet fl-avviżi tal-quddies. L-għan tal-kors huwa li nieħdu pjaċir naħdmu flimkien u bi pjaċir kbir inħabbar li din is-sena kellna minn tifel ta’ 5 snin sa mara ta’ 66 sena jieħdu sehem. Kienet sfida mhux żgħira għalina għaliex id-distakk fl-età kien wieħed kbir. Kull nhar ta’ Sibt kont tieħu pjaċir tara lil dan il-grupp ta’ nies jaħdem fuq il-grotta tiegħu iżda fl-istess ħin, kulħadd jaqsam l-ideat u jgħin lil xulxin.”
L-idea tal-kors nibtet wara li membru tal-Grupp daħħal presepju għall-kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji u kklassifika fit-3 post. Kif raw hekk, il-membri l-oħra għamlu qalb b’xulxin u din is-sena, il-Grupp tal-Armar daħħal 8 presepji mill-kors għall-kompetizzjoni nazzjonali.
Fost il-presepji esebiti, hemm 2 partikolari ambjentati f’Ħaż-Żabbar, wieħed minnhom tal-istess Pullicino li magħna spjega l-idea wara l-presepju tiegħu:
“L-idea kienet li nagħtu bixra Maltija tal-presepju bil-persjana, bil-presepju fit-tieqa u l-bambin fil-gallarija. Xeni ta’ djar u postijiet prominenti fil-Belt Hompesch jispikkaw bħall-funtana fil-Misraħ, in-niċċa tal-Biċċieni u ambjentajnieh fl-ewwel purċissjoni tal-Bambin f’Ħaż-Żabbar.”
Presepjista ieħor li ambjenta l-presepju tiegħu fl-inħawi Żabbarin huwa Glenn Xuereb, li ma’ In-Nazzjon fiehem x’ħajru jagħmel dan il-presepju:
“Jiena bdejt ta’ eta żgħira naħdem il-kartapesta. Għamilt żmien kont immurr il-Mużew u hemmhekk tgħallimt nagħmel il-presepji. Il-presepju tiegħi esebit fil-wirja huwa l-ikbar wieħed li qatt ħdimt fil-ġablo. Wara l-ġablo, għamilt it-tissues bil-kolla bl-ilma, u mbagħad applikajt il-ġibs, iċ-ċagħna, daqsxejn kolla u lumi ħalli tkun tista’ taħdem il-presepju iktar malajr biex l-ġablo jiġi qisu forma tal-blat. Wara tibda tiżbogħ u tisfuma fuq il-post biż-żebgħa tat-trab tal-ġir. Finalment tara fejn se tqiegħed il-ħaxix, pasturi u l-bombli.”
Fost il-karrateristiċi tal-pajsaġġ Żabbari li nkluda hemm is-sajjied bl-ixbieki dieħel l-art fuq il-luzzu, nisa jbiegħu l-bajd tat-tiġieġ, bidwi jġorr iz-zkuk u t-Torri ta’ De Redin lejn iż-Żonqor, magħruf bħala l-limiti ta’ San Anard.
Il-wirja tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 7 ta’ Jannar u tiftaħ kuljum bejn is-6 u d-9 ta’ filgħaxija filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi il-wirja tiftaħ filgħodu sa nofsinhar.
//= $special ?>