Lokali

L-Istrina 2017: X’jiġri wara l-kwinti?

NET News imur isegwi l-aħħar ftit minuti ta' preparamenti qabel tibda x-xandira diretta tal-Istrina

Is-26 ta’ Diċembru hi waħda mill-ġranet fejn il-poplu Malti u Għawdxi jkun qed jistenna bi ħġaru li tibda l-maratona tal-Istrina fuq it-televixin. Iżda ftit ikollhom l-opportunità li jsegwu xi jkun qed jiġri wara l-kwinti, fl-aħħar ftit preparamenti qabel tibda l-maratona.

Ftit minuti qabel ma’ bdiet ix-xandira, eżatt malli kulħadd qed jieħu postu – NET News tkellem ma’ Katriel u Samuel, żewġt itfal li serqu l-qlub tal-poplu Malti bl-istejjer ta’ qsim il-qalb tagħhom – u anke tawna l-messaġġ tagħhom.

Wara dawn is-snin kollha ta’ suċċessi tal-Istrina, hemm il-preżentaturi Peppi Azzopardi u Valerie Vella, li saru sinonimi ma’ din il-maratona. Iżda, wara din l-organizazzjoni kollha, hemm numru ta’ nies oħra li jaħdmu iżda ma jidhrux. Fosthom Maurizio li kien qed jgħin waqt ix-xandira diretta, u li hu wkoll għandu tifel bi bżonnijiet speċjali,

Lesti għal dak li jista’ jinqala kien hemm ukoll membri tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar. F’dawn iż-żminijiet tal-Milied ukoll, ma jistax ma jonqosx l-appell ta’ Santa Klaws għall-Istrina.

Ftit wara li NET News ħa dawn ir-reazzjonijiet – bdiet ix-xandira diretta tal-maratona tal-Istrina u mal-ewwel splodew il-linji tat-telefons bid-donazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.