Il-Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, Sigmar Gabriel, qal li ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE li jirrifletti kunċett ta’ ‘smart Brexit’ kapaċi jservi bħala mudell għar-relazzjonijiet ta’ Brussell ma’ pajjiżi oħrajn mhumiex membri tal-Unjoni.
Fi kliem Gabriel, it-Turkija u l-Ukrajna huma żewġ Stati li jistgħu jibbenefikaw minn dan il-mudell. Filwaqt li l-Ministru Ġermaniż ma jarax sitwazzjoni fejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jissieħbu fil-qarib fl-UE, huwa jemmen xorta fil-ħtieġa ta’ ‘forom għal kooperazzjoni eqreb ( bejn l-Istati u Brussell)’.
Ir-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-UE għadha għaddejja min-negozjati. Dan meta l-Britanniċi mistennija jtemmu l-isħubija fl-Unjoni fid-29 ta’ Marzu tal-2018.
Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, dan ix-xahar, qablu dwar tliet issues ‘tad-divorzju’ li huma l-ispiża dovuta minn Londra lill-UE; il-futur tal-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq u x’għandu jsir miċ-ċittadini Britanniċi residenti fl-Istati tal-Unjoni u ċ-ċittadini tal-UE li qegħdin jgħixu fir-Renju Unit.
Waqt li awgura għal ‘smart agreement’ bejn Londra u l-UE li jfassal ċar ir-relazzjonijiet wara l-Brexit, Sigmar Gabriel bassar ‘forma ġdida ta’ unjoni doganali’ mat-Turkija, dment li s-sitwazzjoni tinbidel f’dak il-pajjiż. Il-Ġermanja hi mħassba dwar ir-rekord tad-drittijiet umani fit-Turkija taħt it-tmexxija tal-President Recep Tayyip Erdogan.
//= $special ?>

