Lokali

95 sena mill-ewwel rappreżentazzjoni tal-Innu Malti

L-Erbgħa, 27 ta’ Diċembru 2017 jaħbat il-95 anniversarju mill-ewwel rappreżentazzjoni tal-Innu Malti fil-pubbliku. Dan kien ikkonfermat mill-istoriċi, li min-naħa l-oħra, jirrikonoxxu wkoll li xahrejn wara dan indaqq għall-ewwel darba b’mod uffiċjali.

NET News tkellem mal-Istoriku, il-Professur Oliver Friggieri, li fil-ktieb tiegħu “L-Istorja tal-Innu Malti” kiteb li kunċert li nżamm fis-27 ta’ Diċembru 1922 inkluda s-silta mużikali “Innu Malti”, ta’ Dun Karm Psaila, li eventwalment saret l-Innu Nazzjonali.

Il-ktieb jinnota li s-silta miktuba minn Dun Karm intlaqat tajjeb ferm mill-Maltin preżenti għall-kunċert, imtella’ mill-Elementary School Teachers’ Dramatic Club fit-Teatru Manoel. Il-kunċert inkluda wkoll is-silta mużikali “The Tempest” ta’ Shakespeare, bl-atturi kienu kollha Maltin.

Il-ktieb tal-Professur Friggieri jikkwota rapport ippubblikat f’The Daily Malta Chronicle tas-27 ta’ Diċembru 1922, li ta aktar dettalji dwar il-kunċert li nżamm dakinhar stess. Fosthom, il-preżenza tal-Gvernatur u Lady Plumer, kif ukoll id-daqq tal-Innu Malti, li aktarx li wara dakinhar kien se jsir uffiċjalment l-Innu Nazzjonali.

Fuq kollox, jingħad li l-lirika ta’ Dun Karm Psaila, akkumpanjata mill-mużika tal-Maestro Robert Samut inkitbet speċifikament għal din l-okkażjoni.

Il-Professur Oliver Friggieri jinnota kif il-verżjoni tal-Innu Nazzjonali li nafu llum – jiġifieri dik interpretata għall-ewwel darba 95 sena ilu – hi t-tieni verżjoni mill-pinna ta’ Dun Karm. Dan hekk kif l-ewwel verżjoni, miktuba fil-25 ta’ Novembru 1922 kellha tinbidel xi ftit biex tiġi adattata mal-mużika ta’ Robert Samut.

Minbarra tibdil f’ċerti kliem, tibdil sinifikanti kien li ż-żewġ stanzi tal-Innu kellhom erba’ versi kull waħda, filwaqt li fil-verżjoni finali, dawn niżlu għal tliet versi f’kull stanza.

Iżda minkejja li l-ewwel rappreżentazzjoni tal-Innu Malti nżammet f’Diċembru 1922, l-ewwel darba li dan indaqq uffiċjalment bħala l-Innu Nazzjonali kien xahrejn wara … is-Sibt, 3 ta’ Frar 1923 fit-3.30pm.

Dakinhar, is-Soċjetà Mandolinistika “Melita” tal-Birgu kienet daqqet f’kunċert imtella’ mill-Għaqda Kittieba tal-Malti fit-Teatru Manoel, bil-kant kien f’idejn l-istudenti bniet tal-Iskola tal-Gvern.

Interessanti l-fatt li sal-lum il-ġurnata, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni jirrikonoxxi d-data tat-3 ta’ Frar 1923 bħala d-data li fiha ndaqq l-Innu Nazzjonali għall-ewwel darba minħabba li dakinhar kien meqjus bħala Innu uffiċjali.