Id-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq qal li rtira ġugarell mis-suq lokali peress li hu perikoluż. Il-ġugarell, f’forma ta’ ballun yo-yo instab li hu perikoluż minħabba li għandu spaga twila ħafna li jekk tiddawwar mal-għonq tat-tfal, jista’ jkun hemm riskju li jifggħu.
Id-Direttorat fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (l-MCCAA) qal li barra minn hekk, dan il-ġugarell m’għandux il-marka CE u għandu nieqsa wkoll informazzjoni neċessarja bħall-isem tad-ditta, in-numru tal-mudell, in-numru tal-lott u d-dettalji tal-manifattur.
Dan il-ballun yo-yo huwa mimli bil-likwidu u għandu ġo fih ballun ieħor żgħir li jixgħel. Dan kollu wassalt biex id-direttorat ħa l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura l-irtirar ta’ dan il-prodott minn fuq is-suq lokali.
Id-Direttorat wissa biex dawk il-konsumaturi li xtraw dan il-ġugarell għandhom jieqfu jużawh u jirritornawh minnufih fil-ħanut minn fejn inxtara.
Id-direttorat fakkar li l-persuni kollha li jpoġġu l-prodotti tagħhom fuq is-suq lokali għandhom ikunu responsabbli u jaċċertaw li jkunu konformi mal-ligi tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>