Lokali

FILMAT: Jiċċelebra għeluq sninu b’mod differenti, wara li fieq mill-marda tal-kanċer

Ramiro llum għalaq 16-il sena, u għażel li jgħin lill-ħaddieħor li għaddej minn żmien diffiċli - bħal ma kien hu

F’għeluq sninu, Ramiro jiċċelebra l-ħajja b’mod differenti – dan hekk kif wara snin twal ta’ kuraġġ, irnexxielu jegħleb il-marda tal-kanċer. Ta’ tliet snin biss, il-ġenituri ta’ ramiro saru jafu li kellu l-leukemia, u minn hemm bdiet it-triq tant diffiċli.

Iżda llum li rnexxielu jirbaħ din il-ġlieda – Ramiro għat-tieni sena organizza mixja b’risq il-Karl Vella Foundation. Ramiro tkellem ma’ NET News ftit qabel bdiet il-mixja, u ammetta li wieħed mill-aktar diżappunti tiegħu hu li meta hu kien fil-bżonn tal-għajnuna t’ommu u missieru – ħutu ċċaħdu mill-ġenituri tagħhom għax kienu qegħdin jgħinuh jiġġieled il-marda tal-kanċer.

Ramiro għażel il-Karl Vella Foundation għaliex din tipprovdi sapport psikoloġiku u edukazzjoni lil tfal li jkunu qegħdin f’familja li għandha xi membru marid bil-kanċer. Tkellimna ma’ omm Ramiro, li stqarret magħna kemm hu importanti li jkollok lil xi ħadd jappoġġja lill-familja f’sitwazzjonijiet daqstant diffiċli.

Issa li Ramiro jinsab aħjar – organizza mixja biex jgħin lill-ħaddieħor li illum qegħdin fis-sitwazzjoni li kien hu. Din il-mixja telqet għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu minn Manoel Island, u għamlu triqithom lejn il-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan – fejn hemmhekk Ramiro qalilna li hu se jinżel jgħum fil-kesħa tax-xitwa.

Attendiet ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li ltaqgħet mal-persuni li ġew biex jgħinu din il-kawża ġusta u mxewa sal-bajja ta’ San Ġorġ. F’kumment ma’ NET News, il-President irringrazzjat lil Ramiro u żgħażagħ oħra bħalu – hekk kif dawn huma l-futur li se jibqgħu jżommu ħajjin dawn il-valuri.

Qabel it-tluq, minn Manoel Island – ma setax ma jonqosx l-kant ta’ ferħ f’għelu snin Ramiro, li wara dawk iż-żminijiet diffiċli llum jinsab b’saħħtu u lest biex jgħin lill-ħaddieħor.