Il-Malta Red Cross qed tinsisti li f’Malta aktar nies ikunu mħarrġa fl-Ewwel Għajnuna, fosthom billi ma jingħatawx liċenzji jekk is-sewwieq ma jkunx kiseb ċertifikat tal-Ewwel Għajnuna.
Qal dan il-President tal-Malta Red Cross Edward Gruppetta meta kien qed jitkellem ma’ NET News fid-dawl tal-inċident li seħħ riċentament, fejn tifel ta’ ħames snin miet wara li faga fl-ikel.
“Dnub li titlef ħajja ta’ bniedem meta persuna tista’ ssalvah grazzi għall-kors tal-ewwel għajnuna” qalilna Edward. “Aħna nemmnu li fil-pajjiż għandhom jidħlu affarijiet oħra bħal pereżempju liġijiet, tagħlim tal-ewwel għajnuna fil-kurrikulu tat-tfal tal-iskola, u anke inizjattiva fejn is-sewwieqa ma jingħatawx il-liċenzja jekk ma jkunux imħarrġa fl-ewwel għajnuna”, żied jgħid il-President tal-Malta Red Cross.
Il-każ tat-tifel li faga fl-ikel seħħ il-ġimgħa li għaddiet. Skont rapporti fil-media lokali, it-tfel kien qed jiekol zalzett meta beda jibdel il-kuluri. L-omm provat tibda l-proċedura biex tneħħilu l-ikel imwaħħal iżda kien kollu għalxejn.
It-tifel intilef minn sensieh u l-isptar dam diversi ġranet mitluf minn sensih sakemm il-ġenituri ġew infurmati li ma kienx hemm tama għat-tifel – tant li ntfew il-magni.
Rueben Gruppetta qalilna li peress li m’hawnx statistika, diffiċli wieħed jgħid kemm imutu tfal minn inċidenti simili. Iżda min-naħa l-oħra, ikun hemm ħafna drabi fejn it-tfal jeħilsuha ħafif.
“Ħafna drabi niltaqgħu ma’ każijiet fejn tfal ikunu se jifggħu iżda jirnexxielhom isalvaw grazzi għal xi intervent. Dawn ma tantx nisimgħu bihom fl-aħbarijiet għax fortunatament, ħafna mill-inċidenti jkunu evitati fil-ħin”, qalilna s-Sur Gruppetta.
U f’każ bħal dawn, wieħed x’għandu jagħmel? L-ewwel nett, wieħed qatt m’għandu jdeffes subajgħ fil-ħalq għax jinħoloq riskju li l-oġġett jiġi mbuttat aktar ‘il ġewwa. Għal tfal minn sena ‘l fuq, wieħed għandu jibda jtaptap fin-nofs tad-dar u hemmek jagħti ħames daqqiet biex l-oġġett jipprova jinħareġ. Jekk ma dan ma jirnexxix, wieħed għandu jdawwar lit-tifel żaqqu ‘l isfel u jagħti ħames daqqiet ‘il ġewwa fuq in-naħa ta’ fuq taż-żaqq u jagħfas ‘il ġewwa.
Din il-proċedura tista’ ssir fuq tfal minn sena ‘l fuq. Fuq trabi li għandhom sa sena żmien, wieħed għandu jagħfas il-qafas tas-sider flok in-naħa ta’ fuq taż-żaqq.
Ma’ NET News, Edward Gruppetta temm jgħidilna li l-kors tal-ewwel għajnuna huwa importanti ħafna, għax fuq kollox għandu l-preġju li jista’ jwassal biex bniedem isalva ħajja ta’ ħaddieħor.
//= $special ?>