Kulħadd jaf li fl-Awstralja hemm komunità kbira ta’ Maltin – madanakollu, hekk kif illum hemm it-tieni u t-tielet ġenerazzjonijiet ta’ Maltin fl-Awstralja – kienet il-biża ta’ ħafna li l-identità Maltija kienet se tintilef darba għal dejjem.
Iżda issa, wara aktar minn ħamsin sena minn meta l-ewwel Maltin marru jgħixu l-Awstralja, se jinfetaħ l-ewwel mużew Malti s-sena ddieħla. F’dan il-mużew se jkun hemm opri tal-baħar restawrati u kif ukoll aktar oġġetti storiċi tipikament Maltin – li se jeżebixxu u jippromwovu l-kultura u l-istorja mżewqa ta’ pajjiżna.
Stazzjon tal-aħbarijiet Awstraljan tkellem ma’ Mario Sammut u Frank Bezzina, żewġ Maltin li marru jgħixu l-Awstralja snin ilu – u li qegħdin jaħdmu biex jiftħu dan il-mużew f’Morwell, waqt festa Maltija f’Latrobe Valley fl-Awstralja, fi Frar li ġej.
Waqt li kien qed jiżbogħ il-luzzu, semma’ kif il-komunità Maltija fl-Awstralja kienet qegħda tibża li l-kultura Maltija kienet qegħda tintilef u għalhekk dan il-mużew se jservi bħala monument ħaj tal-Maltin fl-Awstralja. Tennew li hemm ħafna Maltin jgħixu fl-Awstralja, fejn aktarx hemm aktar Maltin l-Awstralja milli f’Malta stess.
Fil-preparamenti tagħhom għall-ftuħ tal-mużew u għall-festa Maltija fi Frar li ġej, il-Maltin fl-Awstralja qegħdin jagħmlu karrettuni u ilbies tradizzjonali Malti, biex dakinhar jduru jbiegħu ikel u oġġetti tipikament Maltin kif kien isir fiż-żmien.
B’hekk, Malta issa se jkollha monument ħaj fl-Awstralja li se jibqa’ jfakkar il-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna in-naħa l-oħra tad-dinja.
Ara l-aħbar tal-istazzjon tal-aħbarijiet Awstraljan:
//= $special ?>