Lokali

Grupp ta’ voluntiera jħallu Malta għall-‘Kilimanjaro Challenge’; l-ewwel edizzjoni mill-mewt ta’ Dun Ġorġ Grima

Dalgħodu grupp ta’ voluntier ħallew Malta għal edizzjoni oħra tal-‘Kilimanjaro Challenge’, inizjattiva biex jinġabru fondi għall-proġett li ried jagħmel Dun Ġorġ Grima, li miet f’Settembru li għadda.

Din hi l-11-il edizzjoni tal-Kilimanjaro Challenge, u fl-isfida l-voluntiera Maltin jitilgħu din l-ikbar muntanja fl-Afrika, għolja mas-6,000 metru.

Din is-sena l-isfida hija aktar speċjali għar-raġuni li hi l-ewwel sfida mill-mewt tal-missjunarju Dun Ġorġ Grima u l-fondi li qed jinġabru se jmorru għall-proġetti li ħolom hu stess, din is-sena l-flus se jmorru biex tinbena skola fl-Etijopja.

Matul is-snin permezz ta’ Kilimanjaro Challenge inġabru madwar 700,000 ewro, għall-proġetti li saru kemm fil-Kenja u anke fl-Etijopja.

B’kollox il-kilimanjaro challenge irnexxielu jtella’ fuq din il-muntanja madwar 200 persuna, li ħafna minnhom temmewha b’suċċess minħabba li qabel issir din l-isfida jkun hemm taħriġ intensiv li jipprepara lill-parteċipanti għal din l-isfida.

Għal din l-edizzjoni se jkunu qed jidħlu għal din l-isfida dsatax-il parteċipant, li qatt f’ħajjithom ma kienu esperjenzaw xi ħaġa ta’ dan it-tip.

Reuben Balzan wieħed mill-parteċipanti għall-edizzjoni ta’ din is-sena qal li l-iktar ħaġa importanti għall-parteċipanti hi dik li jinġabru l-fondi meħtieġa għall-proġett ta’ skola fl-Etijopja. Proġett li għalih hemm bżonn li jinġabru 75,000 ewro.

It-tim mistenni jilħaq il-quċċata tal-muntanja fis-sitta ta’ Jannar.