Lokali

FILMAT U RITRATT: Il-Milied; Żmien il-ħelu, żmien iċ-ċikkulata

Fabbrika taċ-ċikkulata f'San Pawl il-Baħar tipproduċi ċ-ċikkulatini tagħha stess għas-suq lokali u turistiku

Fi żmien il-Milied, il-Maltin jħobbu jitrejqu b’xi ħelu traddizzjonali tal-Milied ma’ dik ix-xarba sħuna, bħall-imbuljuta, ċumnata jew xi bela te jew kafe. Mal-ħelu tal-Milied tiżdied ukoll xi kaxxa ċikkulatini minn ta’ barra li tkun qlajt bħala rigal mill-qraba jew ħbieb. Iżda qatt għaddielek minn rasek li tagħti xi kaxxa ċikkulatini magħmula Malta?

Kunċett relattivament ġdid imnissel f’Malta 4 xhur ilu hija l-fabbrika taċ-ċikkulata li tipproduċi hi stess iċ-ċikkulata li tbiegħ minflok timporta ċ-ċikkulata minn barra. In-Nazzjon żar din il-fabbrika ġewwa San Pawl il-Baħar u tkellem ma’ Neil Hitchcock, sid il-fabbrika, fuq kif ġietu din l-idea li jnissel dan il-kunċett f’Malta:

“Meta ġejt noqgħod Malta, evalwajt x’riżorsi naturali għandu l-pajjiż u rriżultali li għandna industrija tal-inbid u turistika b’saħħithom. Għalhekk ħsibt li nabbina t-turiżmu mal-inbid. Sintendi, iċ-ċikkulata tmur tajjeb ħafna mal-inbid u huwa l-prodott ideal biex turist jieħdu lura miegħu u jdewwaq dak li joffri l-prodott Malti.”

Iċ-ċikkularier, David Pulis, laqana ġol-kċina tal-fabbrika għar-riħa tfuħ taċ-ċikkulata u uriena mill-viċin il-proċess kif tinħadem iċ-ċikkulata mhux maħduma għal kif narawha lesta fuq l-ixkaffi tal-ħwienet:

“L-iktar pass importanti biex tinħadem iċ-ċikkulata hija t-tempra billi ċ-ċikkulata tagħtieha s-saħħa u ġġibha tqarmeċ u tleqq. Iċ-ċikkulata bilfors trid tiġi ttemprata sabiex tistabilizza l-kristalli li ssib fiha ħalli jkollok prodott tajjeb.”

Huwa qalilna li ċ-ċikkulata kannella tissaħħan f’temperatura ta’ 45 grad Celcius iżda l-iskura tinħadem f’temperatura ta’ 32 grad Celcius bl-iskura filwaqt li ċ-ċikkultara tal-ħalib tinħadem fi 30 grad. Iċ-ċikkulata l-bajda imbagħad tissaħħan f’temperatura ta’ 40 grad u tinħadem f’27 grad.

Minkejja li ċ-ċikkulata kollha li tintuża tinġieb mill-Belġju, li wieħed jista’ jtiegħem b’xejn bħala pastilji, Pulis qalilna li huma jagħmlu użu ta’ prodotti lokali fiċ-ċikkulatini li jagħmlu:

“Kemm jista’ jkun nippruvaw nużaw prodotti Maltin bħal-lumi Malti, mandolin u mis-sena ddieħla se nużaw it-tin, qubbajd u l-likur.”

Fiż-żjara tagħna nnutajna għamliet differenti ta’ ċikkulata bħall-qniepen, blalen tal-futbol, boċċi tas-siġra tal-Milied u sid il-fabbrika temm jelabora magħna il-ħsieb wara dawn l-għamliet:

“Fost ix-xogħol li nagħmlu f’Malta huwa li nieħdu pjaċir, anki f’dak li nagħmlu. Ikkrejajna xi prodotti vera interessanti u uniċi li ma ssibhomx f’bosta postijiet oħra. Wieħed mill-prodotti popolari hija t-takkuna, magħmul kollha kemm hi miċ-ċikkulata li tittiekel u miksija b’saff ileqq ta’ butir tal-kawkaw. L-ikbar problema li kellhom il-klijenti li xtraw it-takkuna kienet li tant għoġbithom li ma riedux jiekluha għax dehret reali u sabiħa wisq.”

(Ritratti ta’ Matthew Tabone)